Tweġiba ċarissima mill-Kummissjoni Ewropea tgiddeb kategorikament lill-Ministru Silvio Schembri li jumejn ilu qal li l-Gvern ippreżenta l-pjan ta’ rkupru tiegħu lill-UE.
F’email mibgħuta minn rappreżentat tal-Kummissjoni, kien ikkonfermat lil dan is-sit li l-Gvern Malti jibqa’ wieħed minn tliet pajjiżi li baqa’ ma ppreżentax il-pjan tiegħu. Il-Kummissjoni kienet tat sat-30 t’April biex il-pajjiżi jippreżentaw il-viżjoni tagħhom dwar kif se jużaw fondi Ewropej għall-irkupru wara d-daqqa tal-pandemija.
Mhux magħruf eżatt ir-raġun li wasslet biex Robert Abela u n-nies tiegħu f’Kastilja baqgħu ikaxxkru saqajhom.
Il-Ministri tal-Gvern ilhom il-ġimgħat iħawdu bejniethom meta mistoqsijiet dwar dan il-pjan. Il-Ministru Silvio Schembri huwa każ ċar ta’ dan it-taħwid kollu – u f’jumejn biddel il-verzjoni tiegħu darbtejn. Filli ta x’jifhem li l-pjan għadu mhux lest u qal lill-ġurnalisti li l-Gvern “jaf x’qed jagħmel” u 24 siegħa wara qal li l-pjan ġie ppreżentat.
Xi ħaġa li issa ġiet imgiddba direttament mill-Kummissjoni Ewropea.
//= $special ?>