Lokali

Il-Meter readers fl-ARMS jirdoppjaw

Minkejja l-introduzzjoni ta’ smart meters, in-numru ta’ persuni ingaġġati bħala meter readers mill-ARMS fl-aħħar tmien snin iktar milli rdoppjaw. Dan joħroġ mill-abbozz tar-rapport tal-Awditur Ġenerali u li kien żvelat mill-ġurnal Times of Malta.

Dan hu l-istess rapport li qed jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista għal diversi xhur, li l-poplu qed jinsteraq bil-mod kif qed jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Ir-Rapport, dejjem skont it-Times, jindika li bejn l-2012 u l-2020 kien hemm żieda qawwija fil-persuni li ddaħħlu jaħdmu mal-ARMS. Preċiżament iktar mid-doppju; minn 135 impjegat fl-2012 għal 296 fl-2020.

Dan wassal biex in-nefqa rikorrenti tiżdied minn kważi €1.4 miljun fl-2012 għal ftit inqas minn €3.2 miljun is-sena li għaddiet. Fil-fatt in-nefqa fuq il-payroll bħala perċentwal tal-nefqa globali tal-ARMS telgħet minn 39 fil-mija fl-2012 għal 61 fil-mija fl-2020.

L-iSmart Meters kienu twaħħlu fir-residenzi u negozji f’Malta kollha għaxar snin ilu. Ir-rapport jindika li dan ħalla effett fuq il-konsum tal-elettriku li ma jinqabadx. Fil-fatt dan il-konsum li fuqu ma jinħariġx kont niżel minn 7.6 fil-mija għal 1.4 fil-mija wara l-introduzzjoni tal-iSmart Meters.

Ir-rapport ikompli li filwaqt li l-bżonn ta’ meter readers jibqa’ sabiex issir verifika ta’ kemmu il-meter hu preċiż, min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għandu d-dubji dwar kemm din iż-żieda qawwija fl-ingaġġ ta’ meter readers f’dawn l-aħħar tmien snin kienet meħtieġa.

Sadanittant fi stqarrija, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika iddeplora l-fatt li siltiet minn abbozzi li għadhom qed jiġu diskussi mal-partijiet interessati, qed jitwasslu lill-mezzi tax-xandir minn persuni oħra li m’għandhom l-ebda rabta ma’ dan l-Uffiċċju.

L-NAO stqarr li dan it-tixrid ta’ tagħrif qabel ma l-informazzjoni tkun ippubblikata qed isir b’mod mill-aktar irresponsabbli.