EURO 2020 Futbol Sport

Illejla l-ewwel partita tal-Euro 2020 | Italja v Turkija

Wara xhur ta’ stennija, illejla jingħata bidu għall-Euro 2020, fejn fil-partita inawgurali fi Stadio Olimpico f’Ruma, l-Italja se jaffrontaw lit-Turkija. L-Italja, b’tim żagħżugħ u ffukat fuq il-kolletiv, mistenni jkun wieħed mit-timijiet li jasal sal-aħħar fażijiet ta’ dan it-tournament. Min-naħa l-oħra t-Turkija jistgħu ikunu wieħed mit-timijiet sorpriża, b’taħlita ta’ plejers ta’ esperjenza u żagħżagħ.

Wara r-riżultati pożittivi fil-partiti ta’ ħbiberija, il-coach Taljan Roberto Mancini jinsab ottimist li t-tim se jkun qed jilgħab l-aħjar futbol fil-Euro 2020, bid-difensur Leanardo Bonucci jgħid li s-saħħa tat-tim Taljan m’huwiex l-individwu, iżda l-kollettiv.

Minkejja li l-Italja huma sodi ħafna fid-difiża fejn rebħu l-aħħar tmien partiti mingħajr ma sofrew gowl wieħed, it-Torok kapaċi jħabbtuha magħhom hekk kif sofrew biss tliet gowls fil-kwalifikazzjoni tagħhom għal din il-kompetizzjoni. Apparti dan, fil-partiti ta’ ħbiberija rnexxielhom jżommu attakkanti prolifiċi bħal Memphis Depay u Erling Haaland milli jsibu x-xibka.

Ħafna qed jistennew li Immobile jkunu wieħed mill-protagonisti għall-Italja

Fost il-plejers li jistgħu jkunu protagonisti f’din il-partiti nsibu l-attakkanti taż-żewġ timijiet rispettivi, Ciro Immobile għall-Italja u Burak Yilmaz għat-Turkija. Filwaqt li Immobile kien l-aqwa skorer fis-Serie A fl-Italja b’36 gowl, Yilmaz kien strumentali għal-Lille fi Franza, fejn is-16-il gowl tiegħu għinu lil Lille jirbħu l-Ligue 1.

Burak Yilmaz hu veteran fl-iskwadra Torka fejn skorja 29 gowl internazzjonali

Ikkummenta