Il-Prim MInistru tar-Renju Unit Boris Johnson iddeskriva lill-President Amerikan Joe Biden bħala ‘nifs ġdid’.
Sigħat biss qabel il-laqgħa tal-G7 fl-Ingilterra, Johnson qal li hemm ħafna li ż-żewġ pajjiżi jisgtħu iwettqu flimkien, u semma’ s-sigurtà, in-NATO kif ukoll sforzi akbar fit-tibdil fil-klima.
Din se tkun l-ewwel laqgħa tal-G7 mindu faqqgħet il-pandemija madwar id-dinja, b’ħafna qed ibassru li din mistennija tkun waħda fost l-aktar laqgħat importanti f’dawn l-aħħar snin.
Il-fatt li l-mexxejja tal-hekk imsejħa “big 7” se jkunu jistgħu jiltaqgħu wiċċimbwiċċ ifisser li ċertu temi sensittivi li l-mexxejja setgħu qagħdu lura milli jiddiskutihom virtwalment, issa jistgħu jiġu diskussi b’mod aktar dirett.
Il-grupp ta’ pajjiżi li jiffurmaw il-G7 huma l-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.
Il-laqgħa se ssir f’Carbis Bay fil-kontea ta’ Cornwall, li tinsab fix-xifer l-aktar fin-nofsinhar tal-Ingilterra u se tkun mifruxa fuq tliet ijiem bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd.
//= $special ?>