Lokali Qorti

Maċedonjan se jintbagħat is-Slovakkja wara li jintemmu l-proċeduri f’Malta fuq reati ta’ serq

Raġel ta’ 44 sena mill-Maċedonja ta’ Fuq se jintbagħat is-Slovakkja hekk kif jintemmu l-proċeduri f’ Malta. Huwa tressaq il-Qorti wara li wettaq reat f’Malta tmint ijiem biss qabel ma wettaq reati oħra fis-Slovakkja. Goran Stojanovski, għaddej bi proċeduri ta’ serq aggravat f’Malta. Huwa kellu jinġieb Malta mill-Polonja permezz ta’ mandat t’Arrest Ewropew.

Dan ħareġ minn dak li spjega fil-Qorti l-Ispettur Mark Galea, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni fil-każ tiegħu, Stojanovski nqabad u ġie arrestat mill-Pulizija Maltija mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali nhar il-Ħamis li għadda permezz ta’ Mandat t’Arrest Ewropew.

Huwa qed jiġi mfittex mill-Awtoritajiet Slovakki ukoll fuq akkużi relatati ma’ serq bl-armi kif ukoll kriminalità organizzata f’dak il-pajjiż. L-Avukat tiegħu Dustin Camilleri għamel talba għall-ħelsien mill-arrest u tenna li l-akkużat ta l-kunsens tiegħu biex jiġi estradit.

L-Avukat Camilleri qal li l-biża’ li dan jaħrab minn Malta ma teżistix għax hemm kontroll assolut fuqu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bilp-qaawa kollha għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ li Stojanovski jista’ jaħrab minn Malta u jikkommetti aktar reati.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet li jinkludu depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Hija wissietu wkoll li ma jistax jaħrab minn Malta, jew jinħeba, ma jistax javviċina xhieda tal-Prosekuzzjoni, ma jistax iwettaqx reat ieħor u jrid jiffirma l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar kuljum u jekk ma jkunx jista’ minħabba mard irid jippreżenta ċertifikat mediku.