Lokali

AĠĠORNATA: Raġel jinqatel fil-Marsa; il-Pulizija żżomm persuna b’rabta mal-każ

Kemm il-vittma kif ukoll l-allegat aggressur huma mill-Ghana

Argument bejn żewġt irġiel ħalla raġel minnhom mejjet. Il-ġlieda seħħet ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-10.00pm.

Jidher li l-argument żviluppa fil-Marsa, fi Triq it-Tiġrija fiż-żona qrib il-pont il-ġdid ta’ bejn il-Marsa u l-Ħamrun.

Fil-post waslu immedjatament tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-vittma li nstab f’għadira demm, madankollu r-raġel kien ċertifikat mejjet ftit wara li wasal l-isptar Mater Dei. Il-vittma huwa raġel ta’ 23 sena mill-Ghana.

Il-Pulizija kkomfermat li fl-argument intużat sikkina u li l-kawża tal-mewt tar-raġel kienu l-ġrieħi li sofra permezz ta’ l-istess arma. Il-vittma kellu tliet feriti konsistenti ma’ daqqiet ta’ sikkina.

Aktar tard mal-lejl għall-ħabta tas-1.30am il-Pulizija ċċirkundat residenza fi Triq Azzopardi l-Ħamrun wara indikazzjonijiet mgħotija lilhom dwar min possibilment kien l-aggressur. Dan wara li r-raġel intagħraf minn xhieda li kien hemm fil-post waqt l-argument.

Malli ra l-Pulizija, is-suspettat tela’ fuq il-bejt u pprova jaħrab billi jaqbez minn bejt għal ieħor bil-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit jirnexxiela timmobilizzah. Ir-raġel li huwa wkoll mill-Ghana u li għandu 25 sena inżamm arrestat fl-għassa tal-Ħamrun.

Ritratt: Pulizija ta’ Malta
Il-mument tal-arrest tal-allegat aggressur fl-omiċidju

Waqt it-tfittxija l-Pulizija sabet ukoll l-arma li allegatament intużat f’dan id-delitt. Is-sikkina li hu maħsub li ntużat waqt l-argument instabet moħbija f’xi siġar fi Triq il-Jum, mhux bogħod minn fejn instab l-allegat aggressur.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella.

Dan huwa l-ewwel omiċidju ta’ din is-sena.