Lokali Qorti

Xhud jirrakonta li kien mal-vittma ftit qabel ma nqatel fejn raw lill-akkużat fil-kju biex jaqbad il-vapur lejn Għawdex

Terrence Zammit li kien jaf lill-Eġizzjan li nqatel f”Għawdex qal fil-Qorti li huwa kien miegħu ftit tal-ħin qabel ma nqatel fejn flimkien niżlu Malta biex jiġbru xi flus għal xogħol li għamlu u wara li marru biex jaqbdu l-vapur lura għal Għawdex raw lill-akkuzat fil-kju b’karozza BMW.

Zammit qal li l-vittma Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed sellem lis-Serb Aleksandar Stojanovic u qal lilu li dak kien “Ir-Russu”. Tenna li meta waslu lura Għawdex kien qallu li kien se jċempillu. Ix-xhud qal li hu kien niżel flimkien ma’ uliedu żewġ bniet u marru l-Mellieħa biex jiġbru 500 metru peress li kienu jagħmlu xogħol ta’ tikħil.

Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Aleksandar Stojanovic, Serb ta’ 42 sena fejn qed iwieġeb mhux ħati li qatel lill-Eġizzjan Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed. Il-vittma kellu 43 sena bl-omiċidju jseħħ fil-15 ta’ Jannar tal-2018. Sadanittant il-Maġistrat iddikjarat li jeżistu biżżejjed provi biex is-Serb jitqiegħed taħt att ta’ akkuża,

Din hija t-tieni dehra tal-ġbir tal-provi wara li nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Mejju diġa xehedu persuni mportanti għall-każ fosthom ħabib tal-akkużat u l-eks sieħba tal-vittma. Mhux eskluż li jitressqu aktar persuni li kellhom rabta ma’ dan l-omiċiċidju fosthom kuntrattur u ‘dealers’ tal-karozzi li għandhom in-negozju f’Malta.

Terrence Zammit li joqgħod ix-Xewkija qal fil-Qorti li kien ilu jaf lill-vittma għal aktar minn sena u kien jaħdem miegħu f’sit ta’ kostruzzjoni fix-Xlendi, liema sit kien ta’ missier l-eks sieħba tiegħu. Huwa kien kaħħal u jagħmel il-membrane u kien tajjeb ħafna f’xogħolu. Il-Qorti issospendiet għall-ftit sakemm jaslu l-Avukati u nfurmat lil dawk preżenti li s-seduta li jmiss se ssir fis-16 ta’ Lulju.

Ix-xhud qal li darba jiftakar li l-vittma li kien miegħu fil-kju tal-vapur t’Għawdex u raha lill-akkużat b’Motaleb Mohammed jgħidlu li dak kien ir-Russu, probabbli għal-laqam tiegħu. Tenna li kien rah b’karozza BMW u li l-Pulizija kienu wrewh numru ta’ ritratti u għarfu minnhom. Qal li kienu bejn disa’ u 12-il ritratt.

Wara xehed il-kuntistabbli Oliver Micallef li spjega kif il-Pulizija mexxew il-proeċeduri meta sabu l-katavru tal-vittma u kif ipproċedew minn hemm. Is-Surġent Frank Portelli qal li kien mar fuq is-sit u li ġurnata qabel id-delitt is-sieħba tal-vittma kienet marret tagħmel rapport lill-Pulizija, minħabba li t-tfal li kienu fil-kustodja tiegħu f’Malta kien għadhom ma tahomx lilha. Huwa kien ikkuntattjah mill-mobajl tiegħu u qallu li kien se jaqbad il-vapur u jmur lura bit-tfal.

Il-Pulizija qallu biex imur wara għax kellu x’jagħmel, u tenna li suppost kellu jagħtihom lil ommhom fit-3.00p.m. Wara kien rah u qallu li kien se jressqu l-Qorti għax kiser il-kundizzjonijiet tal-aċċess. Hu kien ħa t-tfal l-Għassa għall-ħabta tas-7.30pm u qallu li kien qabad il-vapur tal-5.30pm miċ-Ċirkewwa.

Xehed ukoll l-Ispettur Bernard Charles Spiteri fejn qal li kien infurmat li kien insab katavru u mar fuq il-post fejn diġa’ kien hemm is-Supretendent Antonello Grech li qallu li kien Walid il-mejjet. Huwa nstab mal-art bid-dmija żewġ skrataċċ u marki tat-tyres u kien hemm anke pakkett li deher li kien fih il-kokaina.

Huwa nforma l-espert tal-Qorti, is-Supretendent Keith Arnaud u l-Maġistrat Paul Coppini flimkien mas-sieħba tal-vittma. Il-karozza BMW kienet ġiet eżaminata minn naħa tal-forensika. Kien instab ukoll il-vann tiegħu li kien ipparkjat ix-Xlendi li kien reġistrat fuq persuna oħra. Kien tkellem ukoll mal-bidwi li sab il-katavru.

Mill-filmati tal-Pulizija irriżulta li l-vittma kien ħareġ minn karozza Chevrolet u daħal f’BMW fejn eventwalment kien instab maqtul. Mill-investigaazjoni mis-CCTV’s irriżulta li l-karozza BMW deheret l-Imġarr u spiċċat Malta fejn din eventlwament kienet reġistrata ma’Identity Malta. Wara fil-11 ta’ Mejju kien infurmat mis-Supretendent Arnaud li kienu arrestaw lis-suspettat fil-qtil.

Fuq mistoqsijiet tal-Avukat Franco Debono qal li l-vitma kien juża żewġ karozza, Chevrolet u vann li kien juża għax-xogħol, li t-tnejn ma kienux reġistrati fuq ismu. L-Ispettur Spiteri qal li huwa nvestiga lill-vittma darbtejn fuq vjolenza domestika fil-konfront tas-sieġba tiegħu, li dejjem kienet tispiċċa taħfirlu u fuq droga kokaina.

Madankollu l-vittma kellu relazzjoni tajba ma’ missier l-eks sieħba tiegħu. Għal domanda oħra tal-Avukat Debono l-Ispettur ikkonferma li l-vittma kien ġie kundannat ħames xhur ħabs fuq vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu li hija omm uliedu.

Xehed ukoll l-eks Surġent John Attard li ppreżenta r-rapport tal-Pulizija li għamel hu. Qal li ma kelli xi jżid xejn aktar mir-rapport jew li ried jibdel. Is-Serb kien tressaq fid-19 ta’ Mejju li għadda u għadu jinżamm taħt arrest preventiv fejn id-difiża ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest minn dak inhar li tressaq.

Il-katavru tal-vittma kien instab Fil-15 ta’ Jannar 2018, għall-ħabta tat-7.40 a.m. fl-inħawi ta’ Triq San Dimitri, fl-Għarb, Għawdex. il-vittma kien residenti Għawdex iżda ta’ spiss kien ikun Malta. Il-katavru kien instab mixħut fl-art wiċċu ‘l fuq b’żewġ tiri ta’ senter, wieħed fl-għonq fuq in-naħa tax-xellug u tir ieħor fin-nofs ta’ sidru. Żewġ skrataċ li allegatament intużaw dakinhar tad-delitt instabu wkoll qrib il-vittma.

Il-Pulizija analizzaw diversi filmati tas-CCTV u l-aħħar movimenti tal-vittma wara li kien ipparkja l-vettura tiegħu fi Triq ir-Repubblika, fir-Rabat Għawdex. Il-Pulizija waslet biex tidentifikat il-vettura li kien rikeb fiha l-vittma ftit tal-ħin qabel ma nstab maqtul.

F’Settembru 2018, il-pulizija sabet din il-vettura f’Malta, li kienet fil-pussess ta’ terzi persuni, u komplew l-investigazzjonijiet biex ikun identifikat l-allegat aggressur li qatel il-vittma. Permezz ta’ aktar analiżi u filmati mis-CCTV cameras u informazzjoni ġdida li kisbet anke minn persuni oħra, il-Pulizija rnexxielha tidentifika lill-allegat aggressur li kien ix-xufier tal-istess vettura. 

L-akkużat ilu jgħix Malta diversi snin u kien ġie arrestat għall-ewwel darba fuq dan il-każ nhar l-10 ta’ Mejju 2021 permezz ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-Maġistrat inkwerenti. Huwa kien ingħata l-police bail darbtejn biex setgħet tissokta l-investigazzjoni tal-pulizija b’rabta ma’ dan id-delitt.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qed jidhru għall-imputat. Parte ċivili għan-nom tal-vittma qed jidher l-avukat Arthur Azzopardi. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Etienne Savona u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Flimkien magħhom hemm ukoll il-Prosekuturi minn naħa tal-Pulizija. s-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Bernard Charles Spiteri.