EURO 2020 Futbol Sport

Xahar ta’ spettaklu ta’ futbol, jibda mil-lum

(Ritratt: EPA)

Xahar sħiħ ta’ spettaklu ta’ futbol fost l-aqwa nazzjonijiet minn madwar l-Ewropa jibda mil-lum hekk kif wara li jsir il-ftuħ uffiċjali fi Stadio Olimpico ta’ Ruma, tintlagħab l-ewwel partita minn Grupp A bejn l-Italja u t-Turkija.

L-Italja qed ikunu kkunsidrati bħala wieħed mill-favoriti li jirbħu dan it-tournament anke minħabba r-rekord tajjeb li għandhom taħt il-gwida tal-kowċ Roberto Mancini. Minn naħa l-oħra, t-Turkija li jibbażaw ħafna fuq il-kollettiv huma wieħed minn dawk it-timijiet li huma kkunsidrati bħala li jistgħu jkunu sorpriża ta’ dan it-tournament.

Fi Grupp B il-favoriti li jikkwalifikaw minn dan il-grupp se jkunu l-Belġju u d-Danimarka, bil-Belġju jkunu wkoll ikkonsidrati bħala wieħed mill-favoriti li jirbħu dan it-tournament. Fi Grupp Ċ l-Olanda huma l-favoriti li jirbħu l-grupp, imbgħad ġlieda bilanċjata għat-tieni post bejn l-Ukranja, Maċedonja u l-Awstrija.

Fi Grupp D, l-Ingilterra jibdew l-impenji tagħhom kontra l-Kroazja fejn minkejja li huma l-favoriti li jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss se jkollhom kompetizzjoni diffiċli mill-Iskozja u r-Repubblika Ċeka. Grupp E, l-grupp fejn hemm Spanja u l-Iżvezja li ż-żewġ timijiet għandhom każijiet pożittivi tal-Covid-19. Flimkien magħhom l-Islovakkja u l-Polonja. Grupp F, il-grupp tal-mewt hekk kif fih hemm tliet nazzjonijiet li huma favoriti li jirbħu dan it-tournamet, Franza, Portugall u Ġermanja fejn flimkien mal-Ungerija se jkunu qed jissieltu għall-post fil-fażi li jmiss.

Intant mill-ħarġa ta’ għada mal-gazzetta ‘In-Nazzjon’, se jibda jkun hemm erba’ paġni dedikati għall-Euro 2020 fejn fost l-oħrajn se jkun hemm rapport dettaljat dwar il-partiti fil-ġurnata ta’ qabel kif ukoll ħarsa lejn il-partiti li se jkunu jintlagħbu fil-ġurnata flimkien ma’ stejjer oħra relatati ma’ dan it-tournament.