Byron Camilleri jiftaħar li qed iħalli lill-media tirapporta mill-ħabs meta dan mhux minnu

Tkompli l-kontroversja marbuta mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hekk kif il-Ministru resoonsabbli mill-Ħabs Byron Camilleri jinqabad f’gidba.

Għal dawn l-aħħar xhur, Net News talab sabiex jingħata permess sabiex jagħmel rappurtaġġ mill-Ħabs… iżda dan l-istazzjon ma ngħatax l-opportunità li jidħol bil-kameras tiegħu. U quddiem dan kollu… pajjiżna għandu Ministru tal-Intern u s-Sigurta li qed jiftaħar li huwa l-ewwel u l-uniku Ministru li qed iħalli lill-media tidħol u tirraporta s-sitwazzjoni reali fil-Ħabs ta’ Kordin.

Bl-istess Ministru fl-istess tweġiba li ta lil Net News, jisħaq li ma jaqbilx li jinġibdu filmati fil-Facilità Korrettiva taKordin.

Dan wara li l-Awtorita’ tax-Xandir ordnat lill-PBS biex ixandar filmat ta’ tliet minuti li juri s-sitwazzjoni reali tal-ħabs u li fi kliemha jirrispetta l-intelliġenza tal-poplu.

Din l-ordni li ħarġet mill-Awtorità tax-Xandir ingħatat wara li d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà l-Professur Andrew Azzopardi u l-preżentatur Peppi Azzopardi ressqu ilment dwar filmat li ntwera fuq il-programm li jixxandar fuq l-Istazzjon Nazzjonali Popolin. Huma saħqu li ngħatat impressjoni ħażina dwar is-sitwazjoni tal-ħabs hekk kif il-filmat juri li l-priġunieri jinsabu kuntenti u li kulħadd jintegra ma’ kulħadd. Fil-verita’ is-sitwazzjoni reali li tinsab fiha l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin baqgħet moħbija.

Intant… ix-xahar li għadda l-Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel sett ta’ proposti dwar id-detenzjoni b’dixxiplina u b’dinjità, frott il-ħidma tal-clusters.

Dawn il-proposti jindirizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li qed titqarreb lejn kollass. Tant hu hekk li bħalissa, fil-Faċilità jgħixu aktar nies minn darbtejn tal-popolazzjoni li tiflaħ.

Dawn l-inizjattivi għandhom jgħinu sabiex tissokta d-diskussjoni ħalli eventwalment il-priġunieri jkollhom ukoll kundizzjonijiet aktar umani … filwaqt li l-Gwardjani u l-istaff igawdu minn ambjent tax-xogħol aħjar, kif ukoll mis-serħan il-moħħ li s-sitwazzjoni hi kkontrollata.

Permezz ta’ dawn il-proposti l-Partit Nazzjonalista se jara li lill-priġunieri jkunilhom possibbli jirriformaw ruħhom u jerġgħu jidħlu fis-soċjetà mingħajr tbatija. Dan sabiex f’pajjiżna jkun hemm soċjetà aħjar għax il-ġid komuni jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.