Christian Eriksen qed jirkupra tajjeb wara l-inċident ikraħ tal-lum, li ħalla lil kull persuna li kienet qed isegwi l-partita bejn Danimarka u l-Finlandja, perplessi b’dak li kienu qed jaraw. Il-midfielder offensiv ta’ Inter, deher jaqa’ mal-art, mingħajr ħadd ma ntebaħ iżda l-captain tat-tim Daniż, u ħabib personali tal-istess plejers, Simon Kjaer kien pront fir-reazzjoni tiegħu sabiex mar jiġri fuq Eriksen, flimkien ma’ grupp ta’ plejers oħra Daniżi, stabbiliżżaħ fuq dahru, ra li l-ġisem tiegħu kien f’posizzjoni tajba biżżejjed biex jieħu n-nifs, u saħanistra beda’ jagħti CPR lill-sieħbu, qabel ma waslu l-mediċi ħdejħ.
Sussegwentament, it-tobba waslu fil-pront u komplew jagħtu l-ewwel għajnuna lill-Eriksen, qabel eventwalment l-istess plejer inġarr fuq stretcher u ttieħed l-isptar. Iżda l-att erojku ta’ Kjaer ma waqafx hawn. Hekk kif it-tobba u l-mediċi kienu qed jassistu lill-Eriksen, waqt mument kommoventi u mimli tensjoni, il-captain Daniż ordna lill-plejers sħabu fl-iskwadra, sabiex jiffurmaw ħitan madwar il-plejer, l-aktar sabiex id-direzzjoni televiżiva ma tkunx tista’ tingwadra dak li kien qed jiġri waqt li Eriksen kien qed jingħata s-CPR mit-tobba u l-mediċi li marru biex jgħinuħ.
Kienu ħafna li faħħru dan l-att, anke għaliex wieħed għandu jirrispetta l-privatezza tal-persuna f’mument daqstant kriitku u li b’xorti tajba ma kienx fatali. Wara dan, Kjaer mexa biex mar jikkonsola lill-mara ta’ sieħbu, li dehret tinżel fil-pitch, fost komossjoni sħiħa.
X’aktarx ix-xena ta’ mart Eriksen, Sabrina Kvist miexja fuq il-pitch biex tara kemm hi gravi l-kundizzjoni ta’ żewġha f’dak il-mument, kienet l-aktar xena li messet il-qlub ta’ ħafna. F’dan il-mument, l-eroj reġa’ kien Kjaer, li ta captain li hu, assigura li jikkonsola u jikkalma lil mart Eriksen, fl-aktar siegħa kerha li qatt setgħet għexet f’ħajjitha.
Dan kollox ma kienx biżżejjed għaliex anke jekk wara din il-komossjoni kollha, id-Daniżi spiċċaw biex tilfu l-partita kontra l-Finlandja, Kjaer kellu kuraġġ ta’ sur, li jaqbad lil sħabu, u flimkien magħhom niżżlu fil-pitch biex jilgħabu t-tieni taqsima tal-partita. Vera, id-Danimarka tilfu, iżda rebħu r-rispett u s-simpatija ta’ kulħadd, inkluż tal-avversarji. Tassew każ li Kjaer hu l-eroj ta’ Eriksen.
//= $special ?>