Kultura Lokali

“Irrabjati” għax il-Gvern Laburista qed imexxi bla pjan

Diżappunt kbir ma jistgħux jemmnu kif anke issa, reġgħu totalment minsija mill-Gvern. Is-settur tal-arti u d-divertiment, għal darb’oħra, injorat b’mod totali u issa, verament, ħafna ħaddiema f’dan il-qasam jinsabu f’riskju, kif l-istess jinsab f’riskju s-settur kollu. Settur li kif jidher biċ-ċar għall-Gvern Laburista mhux importanti.

Wara li ġie mħabbar il-mod li bih ser ikunu qed jittellgħu l-attivitajiet mill-5 ta’ Lulju ‘l quddiem, kienu diversi dawk persuni li jaħdmu f’dan il-qasam fosthom organizzaturi, mużiċisti, kantanti, inġiniera tas-sound u d-dwal, DJs, żeffiena u artisti oħra li esprimew rabja għall-dak li preżenta d-Deputat Prim Ministru flimkien mal-Ministru tal-Kultura Jose Herrera.

Dak li tħabbar mill-Gvern kien deskritt minn Project Re-Start bħala insult għall-industrija. U kienu ħafna dawk li fuq il-media soċjali esprimew id-diżappunt tagħhom b’mod apert u bla tlaqlieq – għaliex l-artisti iridu kawtela, iżda jridu wkoll li ma jigux diskriminati.

Fil-fatt, ħafna ma jistgħux jifhmu kif qed isiru tiġijiet bi 300 ruħ, imbgħad fuq avvenimenti artistiċi u kulturali hemm limitu ta’ 100 persuna li sat-2 t’Awwissu jitla’ ghal 200 persuna. Fi kliem sempliċi, l-artisti u l-mużiċisti se jkunu tilfu kważi Sajf sħiħ mingħajr avvenimenti.

Fost dawk li esprimew id-diżappunt tagħhom għal dak li tħabbar mill-Gvern waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ġimgħa kien hemm Nick Mizzi, Ryan Spiteri, Daniel Briffa magħruf ukoll bħala Debrii, D-Rey, Carlo Gerada, Jovin Tenishia kif ukoll il-kantanta Ira Losco.

F’din il-konferenza, id-Deputat Prim Ministru kien mistqosi minn Net News jekk sarux diskussjonijiet ma dawn l-operaturi. Chris Fearne saħaq li d-diskussjonijiet saru iżda fi stqarrija l-MEIA, l-assozjazzjoni li tirraprezenta l-industirja tal-arti u d-divertiment, saħqet li l-ebda diskussjoni jew komunikazzjoni ma’ saret magħhom. Dan kien konfermat ukoll mill-President tal-istess MEIA, Howard Keith Debono meta kien intervistat fil-programm Net Live. Fl-istess programm, ippartecipat ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo.