Internazzjonali

Is-summit tal-G7 jikkometti ruħu biex jitqassam b’rata aktar mgħaġġla l-vaċċin tal-Covid-19

Il-pajjiżi tal-G7 ikkometew ruħhom li jużaw r-riżorsi kollha tagħhom sabiex pandemija bħalma kienet dik tal-Covid-19 ma tirrepetix ruħha.

Fit-tieni jum tas-summit li qed isir f’Cornwall fir-Renju Unit, il-pajjiżi huma mistennija joħorġu dikjarazzjoni konġunta b’miżuri preċiżi sabiex jilħqu dan il-għan. Skont l-aħħar rapporti l-mexxejja qablu li kull persuna fid-dinja tkun irċeviet il-possibbiltà li tieħu l-vaċċin sa tmiem 2022.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson fetaħ is-summit bit-talba biex tinqered l-inugwaljanza fid-dinja. Il-Unicef filfatt appellat biex ikun hemm aktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha dwar din il-ħaġa sabiex jitaffa l-ammont ta’ mwiet.

Intqal li hu vitali li kulħadd jitgħallem mill-iżbalji li saru wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 u tkun eleminata l-ġerħa tal-inugwaljanza.

Fis-summit il-President tal-Istati Uniti Joe Biden appella biex il-Punent jingħaqad flimkien fil-ġlieda kontra l-influwenza ekonomika li għandha ċ-Ċina, iżda wkoll kontra l-moħqrija tal-umani fiċ-Ċina, b’rata allarmanti ta’ nies li jaħdmu bla preċedent u kważi ma jitħallsu xejn.

Matul id-diskussjoni ma naqsux il-botta u r-risposta bejn l-Unjoni Ewrepea u r-Renju Unit biex jonoraw dak li kien deċiż fil-Brexit.

Intant matul is-summit, kien hemm għadd ta’ persuni li niżlu fil-baħar jipprotestaw b’appell sabiex il-G7 jaħdmu kontra t-tibdil fil-klima. Il-laqgħat jiġu fi tmiemhom il-Ħadd fejn imbagħad il-President Amerikan Joe Biden mistenni jagħmel żjara fi Brussell filwaqt li l-Erbgħa se jiltaqa’ għall-ewwel darba mal-President Russu Vladimir Putin f’Geneva.