Il-miżuri tal-ftuħ li ħabbar il-gvern għas-settur artistiku u dawk tad-divertiment bl-ebda mod ma jgħinu lil kull min hu involut f’dawn is-setturi. Il-Partit Nazzjonalista flimken ma assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw lil dawn in-nies ilhom jgħidu li hemm bżonn li dawn issetturi jinfetħu b’mod u manjiera li filwaqt li jittieħdu l-miżuri kollha kontra l-COVID-19, dawn il-persuni jkunu jistgħu jibdew jiġġeneraw ftit dħul sabiex bil-mod ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jgħixu b’mod normali.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Kunsilli Lokali, Arti u Żgħażagħ Karl Gouder, il-Partit Nazzjonalista qal li għal kull min jifhem f’dawn is-setturi, jaf li l-miżuri li ħabbar il-gvern ma jagħmlu l-ebda sens finanzjarju għall-artisti u kull min hu nvolut fis-settur tad-divertiment.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li bin-numru ta nies vaċċinati dejjem qed jogħla, u b’kontroll sod ta’ kull min qed jidħol f’pajjiżna mill-portijiet tagħna stajna nsibu bilanċ fin-numru ta’ nies li jattendu attivitajiet, bilanċ bejn li nipproteġu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin iżda fl-istess ħin tgħin lill-Artisti jibdew iqumu fuq saqajhom bil-mod.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-gvern sabiex kemm jista’ jkun malajr jiltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ dawn is-setturi u jilħaq ftehim raġonevoli sabiex kif sar f’kull settur ieħor, anki dan is-settur ikun jista’ jibda jirkupra
//= $special ?>