Lokali

Appell sabiex tingħata l-għajnuna kollha mistħoqqa mill-awtoritajiet ħalli B’Kara terġa’ tieħu dak li jixirqilha

F’isem l-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awissu, Andre’ Azzopardi, is-Segretarju ta’ din l-Għaqda, jappella sabiex il-lokalita’ ta’ Birkirkara jerġa’ jkollha l-kamra tan-nar tagħha, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-lokalita’ ta’ Birkirkara matul il-jum tas-Sibt.

Azzopardi spejga kif qabel l-1982, is-Saint Helena Fireworks Factory, kienet l-Iklin fuq art tal-Proto Kolleġġjata Elenjana li kienet tintuza sabiex jinħadem in-nar tal-festa ta’ Sant’ Elena minn dan il-post.

Fl-1982 ġiet rilokata b’mod temporanju f’barriera f’Ta’ Xwieki limiti tal-Għargħur fejn dan is-sit beda jintuża bħala kamra tan-nar… bl-istess kamra għadha hemm sal-ġurnata tal-lum.

Wara li taret il-kamra tan-nar fis-27 ta’ Ġunju tal-2007 u mietu 5 persuni kawża ta’ dan l-inċident, il-membri ta’ din l-Għaqda ħabbtu wiċċhom ma’ diversi problemi kemm biex is-sit ikun jista’ jerġa’ jopera bħala kamra tan-nar kif ukoll biex jinstab post alternattiv fejn ikunu jistgħu jkomplu jipprattikaw id-delizzju tagħhomu sabiex l-arti piroteknika tibqa’ attiva fost il-karkariżi.

Andre’ Azzopardo saħaq li fl-2017 l-awtoritajiet għamlu ftehim mar-residenti tal-inħawi li f’dak is-sit mhux ser joħroġ permess biex ikun jista’ jerġa’ jinħadem in-nar, u dan minn wara dahar l-Għaqda tal-kamra tan-nar u l-poplu karkariz.

Azzopardo saħaq li saru diversi wegħdiet ta’ għajnuna f’dan ir-rigwrd iżda s’issa dan kollu kien kliem fieragħ għax sa issa Birkirkara biss għadha bla kamra tan-nar.

Għalhekk, l-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awissu qegħdha tappella sabiex tingħata l-għajnuna kollha mistħoqqa mill-awtoritajiet ċivili ħalli l-lokalita ta’ Birkirkara terġa’ tieħu dak li jixirqilha.

Preżenti għall-din il-konferenża tal-aħbarijiet kien hemm il-Minority leader ta’ Birkirkara u kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Justin Schembri U L-kunsillier John MIzzi.

Justin Schembri, Minority leader ta’ Birkirkara u kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali
John Mizzi, Kunsillier ta’ Birkirkara