Kontra t-Turkija, fl-ewwel partita tal-Euro 2020, l-Italja kienu sempliċiment spettakolari. Wirja kollettiva, konvinċenti iżda fuq kollox storika għall-fatt li r-rebħa ta’ 3-0 kienet l-ewwel waħda fl-istorja għall-Azzurri, li fiha rrnexxilha tiskorja tliet darbiet f’partita waħda f’din il-kompetizzjoni u fi kwalunkwé edizzjoni oħra li lagħbet fiha fil-passat.
Mhux hekk biss. Ir-rebħa kontra t-Turkija, tfisser ukoll id-disa’ partita konsekuttiva li matulhom il-plejers taħt it-tmexxija ta’ Roberto Mancini ma soffrewx gowl. L-aħħar darba li l-Italja qalgħet gowl f’partita internazzjonali kien fl-14 t’Ottubru tas-sena l-oħra, f’logħba li ntemmet fi dro ta’ 1-1 kontra l-Olanda, u li kienet valida mill-grupp tal-UEFA Nations League. Ir-rebħa ta’ 3-0 fl-ewwel dehra tagħhom f’din l-edizzjoni tal-Euro kontra t-Turkija ta’ Senol Güneş, kienet ukoll l-akbar rebħa għall-Italja fl-istorja ta’ partiti li huma lagħbu matul is-snin f’din il-kompetizzjoni għall-pajjiżi Ewropej.
Iżda l-aktar impressjonanti minn dan kollu hu li din ir-rebħa ta’ kontra t-Torok fl-Olimpico, kienet it-28 partita konsekuttiva għall-Italja mingħajr ma jitilfu. 23 minn dan l-ammont kienu konfronti mirbuħa u li sintendi kienu kollha taħt it-tmexxija tal-kowċ bravu, Mancini.
L-aħħar telfa tal-Italja tmur lura għal 32 xahar ilu; kważi elf ġurnata llu, meta fl-10 ta’ Settembru 2018, Mancini kien sofra t-tieni telfa, u l-aħħar waħda sal-lum, bħala kowċ tal-Italja, b’riżultat ta’ 1-0 kontra ċ-champions Ewropej, il-Portugall. Sal-lum, l-eks kowċ Fiorentina, Lazio, Inter, Manchester City, Galatasaray u Zenit, Mancini mexxa lit-tim nazzjonali Taljan f’31 partita u li matulhom, l-Italja tilfet biss darbtejn, rebħet 22 partita u temmet dro f’seba’ konfronti oħra.
B’sistema tattika ta’ 4-3-3, li qatt ma kienet mibdula, lanqas għal partita waħda, l-Italja ta’ Mancini f’daqstant partiti skorjat 76 gowl filwaqt li soffriet total ta’ 14-il gowl; medja ta’ inqas minn nofs gowl f’kull logħba. Interessanti l-fatt li f’dawn il-31 partita, Mancini għamel użu minn xejn inqas minn 70 plejer differenti ta’ nazzjonalitá Taljana.