Sport Sport Ieħor

Novak Djokovic u Stefanos Tsitsipas fil-finali tar-Roland Garros

Fit-58 partita bejniethom Novak Djokovic għeleb lil Rafael Nadal fir-Roland Garros biex issa jiltaqa’ kontra Stefanos Tsitsipas fil-finali. F’waħda mill-aqwa partiti tat-tennis ta’ kull żmien is-Serbjan għeleb liċ-champion attwali 3-6 6-3 7-6 6-2, fi ftit aktar minn erba’ siegħat. Għal Nadal, li kien qed jaspira li jirbaħ l-erbatax-il titlu fi Franza, din kienet biss it-tielet telfa f’108 partiti fir-Roland Garros.

Fis-semi finali l-oħra Stefanos Tsitsipas sar l-ewwel Grieg li għadda għall-finali ta’ Grand Slam wara li rkupra minn żewġ sets minn taħt kontra Alexander Zverev. Wara li kien tilef l-aħħar tliet semi finali fil-Grand Slam, Tsitsipas għeleb lil Zverev 6-3 6-3 4-6 4-6 6-3.