Il-partita bejn Wales u l-Iżvizzera, minkejja li se tkun l-ewwel partita għaż-żewġ timijiet fi Grupp A, xorta waħda tista’ tkun determinanti għal min jikkwalifika, hekk kif il-favoriti li jagħmlu dan f’dan il-grupp huma l-Italja u t-Turkija. Telfa għal wieħed mit-timijiet rispettivi tista’ tkun daqqa’ ta’ ħarta kmieni għal wieħed minnhom.
Wales se jkunu qed jittamaw li jirrepetu dak li wettqu fl-2016 hekk kif kien irnexxielhom jaslu sas-semifinali tal-kompetizzjoni. Minkejja l-problemi b’rabta mal-kowċ, minħabba li Ryan Giggs qed jaffaċja akkużi serji fil-Qorti kontrih, il-kowċ temporanju Robert Page se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu players ta’ esperjenza bħal Aaron Ramsey ta’ Juventus u Gareth Bale ta’ Real Madrid. Minkejja li ż-żewġ players kellhom staġun pjuttost kwiet, it-tnejn li huma se jkunu fost il-protagonisti fit-tim ta’ Wales.
Fl-aħħar snin minn naħa tagħhom l-Iżvizzera għamlu progress qawwi fejn saru wieħed mill-aktar nazzjonijiet diffiċli li tirbaħlu. Fl-aħħar edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, l-Iżvizzera kisbu wieħed mill-aqwa riżultati hekk kif irniexxilhom jaslu sa mal-aħħar sittax. Il-progress tal-aħħar snin saret taħt il-kowċ Vladimir Petkovic hekk kif ilu seba’ snin fit-tmexxija tal-Iżvizzera. Fost il-players li se jkunu determinanti fit-tim Żvizzeru hemm l-captain Granit Xhaka fejn minkejja li l-futur tiegħu ma’ Arsenal huwa nċert xorta waħda se jkollu sehem importanti fl-iskwadra ta’ Petkovic. Players oħrajn li se jkunu importanti huma l-attakkant ta’ Liverpool Xhedran Shaqiri kif ukoll l-attakkant prolifiku Haris Seferovic.
Din se tkun l-ewwel darba liż-żewġ timijiet se jkunu qed jiltaqgħu f’fażi finali ta’ kompetizzjoni Ewropea hekk kif fil-passat lagħbu seba partiti oħra, bit-tim ta’ Wales jirbaħ ħames darbiet. L-aħħar konfront bejn iż-żewġ timijiet kien fl-2011 meta dakinhar, l-Iżvizzera kienu rebħu bl-iskor ta’ 2-0.
//= $special ?>