Lokali Qorti

Raġel mingħajr maskra jattakka lill-pulizija wara li kiser il-libertà proviżorja

Raġel li nqabad barra ‘nightclub’ mingħajr maskra sagħtejn wara li kellu jkun id-dar f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-pleġġ fuq każ differenti, inħeles mill-arrest wara li wieġeb ħati tal-akkużi. L-Ispettur tal-Pulizija Jonathan Cassar qal li Denilson Manicaro ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid ipprova jaħrab meta ġie mistoqsi għad-dettalji tiegħu u mbagħad weġġa’ lill-pulizija waqt li rreżista l-arrest tiegħu kmieni is-Sibt stess.

Huwa insista li jwieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih anke wara li ġie mwissi mill-Qorti li jista’ jiffaċċja sa sentejn ħabs. L-avukat difensur Franco Debono qal li issa li l-liġi dwar il-ksur tal-libertà proviżorja nbidlet, fejn tat diskrezzjoni lill-qorti dwar il-konfiska tal-pleġġ u l-fatt li wara r-riarrest tiegħu l-klijent tiegħu kien qed jammetti l-akkużi., allura x-xenajru tal-każ inbidel.

Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet talba tad-difiża għal rapport ta’ qabel is-sentenza (pre-sentencing report). Hija laqgħet ukoll talba għal pleġġ fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €4,000. Huwa ġie ordnat ukoll biex ikun id-dar bejn id-9pm u s-7am.

Manicaro kien taħt pleġġ fuq proċeduri kriminali fuq ħruq. Huwa kien ġie mixli li qabbad karozza fil-Fgura lejliet l-ewwel tas-sena. Dwa dan il-każ Manicaro kien qal li ma riedx iqabbad karozza ta’ Pulizija iżda l-karozza ta’ maġenbha. Fix-xhieda tiegħu, il-Pulizija vittma ta’ dan ir-reat kien qal fil-Qorti li huwa kien sar jaf lill-imputat f’investigazzjonijiet li għamel fil-passat. L-Avukat Francesca Zarb kienet ukoll avukat difensur fil-każ.