Lokali Saħħa

Sejħa urġenti għad-demm O positive

Meħtieġa xejn inqas minn 100 borża demm O positive

Il-Bank tad-Demm qed jagħmel talba urġenti għad-demm O positive hekk kif l-Isptar Mater Dei għandu bżonn kbir ta’ dan it-tip ta’ demm.

F’appell fuq il-media soċjali s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm talab il-koperazzjoni assoluta ta’ kull min hu f’saħħtu, partikolarment iż-żgħażagħ hekk kif huma mitluba biex jikkonkorru f’dan il-mument ta’ ħtieġa kbira.

Dan l-appell qed isir minħabba l-ħtieġa kbira ta’ trasfużjonijiet tad-demm mill-pazjenti morda bil-kanċer, inkluż tfal, kif ukoll għadd ieħor ta’ pazjenti bit-Talassemija li għada mistennija li jidħlu l-isptar għal trasfużjonijiet tad-demm.

Il-Bank tad-Demm saħaq li jekk illum ma jsirux ammont konsiderevoli ta’ donazzjonijiet tad-demm, jista’ jagħtu l-każ li dawn il-pazjenti ikollom it-trasfużjoni tad-demm ikkanċellata u diferita sakemm ir-riserva terġa’ titla’.

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa se jkun disponibbli sas-6:00pm.