Knisja Lokali

Titħabbar il-mewt tal-Isqof Dumnikan Malti fil-Brażil Mons. Walter Michael Ebejer OP

Tard il-Ġimgħa filgħaxija tħabbret l-mewt tal-Isqof Dumnikan Malti fil-Brażil, Mons. Walter Michael Ebejer OP.

Mons. Ebejer twieled Ħad-Dingli fit-3 ta’ Awwissu tal-1929, ħu l-awtur prolifiku Malti Francis Ebejer. Huwa daħal fl-Ordni Dumnikan f’Malta u beda l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ tal-Filosofija u t-Teoloġija ta’ San Tumas t’Akwinu fir-Rabat. Kompla bl-istudju l-Ingilterra, u kiseb Liċenzjat fit-Teoloġija fl-Univeristà Pontifiċja ta’ San Tumas t’Akwinu f’Ruma.

Mons. Ebejer ġie ordnat saċerdot fl-24 ta’ Jannar 1954. Huwa mar il-Brażil bħala missjunarju fl-1957, u fl-1976 il-Papa Pawlu VI innominah l-ewwel Isqof ta’ União da Vitória fil-Brażil, u kien ikkonsagrat sena wara.

Mons. Ebejer miet fil-11 ta’ Ġunju 2021, fl-għomor venerabbli ta’ 91 sena.

Intant fi stqarrija l-Arċisqof Charles Jude Scicluna, l-Isqof Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi sellmu l-ħajja ddedikata fl-art tal-missjoni tal-Isqof Walter Michael Ebejer OP.