Lokali Sport

VOXPOP: Franza fost it-timijiet favoriti tal-Maltin għall-Euro 2020

Wara stennija ta’ sena, il-Ġimgħa filgħaxija ngħata bidu għall-ikbar turnament Ewropew tal-Futbol.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Euro 2020 saret fi Stadio Olympico f’Ruma bis-sehem fost l-oħrajn tat-tenur ta’ fama internazzjonali Andrea Bocelli fost logħob tan-nar u korjografija awdjo-viżiva mill-isbaħ tal-kanzunetta uffiċjali ‘We Are The People’.

Fl-ewwel logħba li tat bidu għal dan il-kampjonat l-Italja rebħu kontra t-Turkija bl-iskor ta’ 3-0.

Is-Sibt waranofsinhar Net News mar Tas-Sliema fejn staqsa lin-nies x’inhu t-tbassir tagħhom għal din il-kompetizzjoni. Evidenti li t-tim Franċiż huwa l-iktar tim favorit li jirbaħ din il-kompetizzjoni. Il-qawwa tat-tim Taljan tinsab ukoll fuq fomm il-Maltin.

Ma naqasx ukoll li jissemmew it-timijiet tal-Ingilterra, tal-Ġermanja, il-Portugal u Spanja fost dawk l-aktar favoriti li jirbru l-EURO 2020.

Dan huwa biss il-bidu ta’ xahar ta’ spettaklu għad-dilltanti kollha tal-futbol fejn sal-finali tal-11 ta’ Lulju f’Wembley Stadium se nkunu qed nistennew divertiment u anke diversi sorpriżi.