Lokali Qorti

Wieġeb mhux ħati tal-qtil u nżamm arrestat

Amo Frank wieġeb mhux ħati tal-qtil ta’ Kwabena Kyere, li seħħ il-Ħamis li għadda fi Triq it-Tiġrija l-Marsa. Iż-żagħżugħ mill-Ghana, li għandu 25 sena, inżamm arrestat wara li ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Amo Frank Kwaku tressaq il-Qorti llum wara nofsinhar wara li kien arrestat mill-Pulizija ftit tas-sigħat wara d-delitt li fih Kyere allegatament inqatel b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina.

Fi stqarrija li ħarġet qabel tressaq il-Qorti, il-Pulizija kkonfermat li fl-argument intużat sikkina u li l-kawża tal-mewt tar-raġel kienu l-ġrieħi li sofra permezz tal-istess arma. Il-vittma kellu tliet feriti konsistenti ma’ daqqiet ta’ sikkina.

Il-prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello tmexxiet mill-ispettur Kurt Zahra li fix-xhieda tiegħu spjega dak li ġara l-Ħamis filgħaxija meta għall-ħabta tal-10.30pm daħal rapport li kien seħħ argument li ħalla persuna feruta. Zahra spjega li meta waslu fil-post sabu l-vittma li kien għadu kemm sofra xi daqqiet u hemmek bdiet tfittxija għall-agressur. Minkejja li l-allegat qattiel, skont il-Pulizija, ammetta li wettaq il-qtil, fil-Qorti xorta wieġeb mhux ħati.