Lokali

Bernard Grech iżur l-ewwel kampjonat tal-Karting f’Malta

Fl-aħħar jiem, numru ta’ dilettanti nġabru f’komunità waħda biex jipprattikaw u jipparteċipaw fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Karting – l-ewwel kampjonat tat-tip tiegħu organizzat b’mod konġunt bejn Karting Club Malta, Island Karting Club u l-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport.

Dan il-kampjonat, li qed isir fit-trakka tal-go-karts f’Ħal Far, hu mqassam fuq ħames rounds, b’dak tal-Ħadd kien it-tielet wieħed. Kampjonat li qajjem bosta interess fost id-dilettanti tal-karting, fejn hu stmat li 150 żagħżugħ u żagħżugħa qed jipprattikaw dan l-isport.

Iżda mhux biss! Dan iqajjem interess fost dilettanti ta’ kull età, tant li wieħed mill-iżgħar parteċipanti għandu sitt snin. Sport li hu ta’ sodisfazzjoni għall-familja kollha, filwaqt li qed ikun innotat li aktar ma jmur aktar qed jikber f’pajjiżna.

Fost dawk li żar it-trakka kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li spjega xi jfisser għalih dan l-isport. Hu ħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu l-proposti u jwettaqhom għall-ġid tal-isport.

Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport Clyde Puli, il-President tal-MŻPN u Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Joseph Grech u l-Kandidat Clifford Zahra Fenech.

Ritratti: Martin Agius