Lokali

Bernard Grech qalb iż-Żebbuġin għall-festa ta’ San Filep

F’Ħaż-Żebbuġ, kienet iċċelebrata l-Festa ta’ San Filep, bil-qofol jinżamm fil-Knisja Arċipretali, fost il-miżuri kawża tal-pandemija. U ladarba ma jistgħu jsiru l-ebda attività esterna, ħafna nġabru fil-każini madwar il-lokalità.

Maż-Żebbuġin ingħaqad il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li ħa l-okkażjoni wkoll biex jawguralhom.

L-ewwel żjara tiegħu saret fil-Każin Banda San Filep, fejn iltaqa’ ma’ dawk preżenti qabel ma mar fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista. Ħafna nnotawlu d-diffikultà li ffaċċjaw fil-perjodu li l-Każini nżammu magħluqin kawża tal-pandemija, iżda wkoll kif il-Gvern baqa’ jżommhom fl-għama xahar wara l-ieħor.

Minn hemm, żar il-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan u aktar tard, il-Każin tal-Banda 12th May. Fihom kollha, seta’ jinnota l-ħidma li ssir, partikolarment biex tibqa’ b’saħħitha l-ħajja soċjali fil-lokalità.

Bernard Grech kien akkumpanjat minn Deputati u Kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, kif ukoll membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista.

Ritratti: Martin Agius