Sport Sport Ieħor

Djokovic jirkupra minn żewġ sets minn taħt biex jirbaħ id-19-il Grand Slam fil-karriera

(Ritratt: EPA)

Novak Djokovic rebaħ id-19-il Grand Slam fil-karriera wara li rkupra minn żewġ sets minn taħt biex għeleb lill-Grieg Stefanos Tsitsipas fil-finali tal-Open ta’ Franza.

Is-Serb ta’ 34 sena kien f’xifer telfa iżda reġa’ sab il-forma u spiċċa rebaħ 6-7, 2-6, 6-3, 6-2, 6-4. B’hekk Tsitsipas għadu qed jistenna r-rebħ tal-ewwel Grand Slam fil-karriera tiegħu.

Din ir-rebħa twassal lil Djokovic, Grand Slam bogħod mir-rekord li bħalissa jinsab għand Rafael Nadal u Roger Federer. Għas-Serb li fil-passat rebaħ ir-Roland Garros fl-2016, sar l-ewwel tennist li rebaħ l-erba’ Grand Slams darbtejn minn meta bdiet l-era professjonali fil-miftuħ fl-1968.

Wara li Tsitsipas salva championship point b’forehand winner, Djokovic baqa’ kalm biex għalaq il-logħba b’overhead wara erba’ sigħat u 11-il minuta.

Fi tmiem il-finali, Djokovic baqa’ mingħajr emozzjoni sakemm ħa b’idejn Tsitsipas, iżda ħareġ il-ferħ tiegħu quddiem iż-żona fejn kien hemm il-ġenituri tiegħu, il-mara Jelena u l-kowċ Marian Vajda.

B’hekk il-mira ta’ Djokovic se tkun ir-rebħ ta’ Wimbledon biex jilħaq ir-rekord ta’ 20 Grand Slam.