Lokali

Eks Supretendent tal-Pulizija mistenni jkun akkużat b’korruzzjoni

Eks Uffiċjal Għoli fi ħdan il-Korp tal-Pulizija mistenni jitressaq il-Qorti akkużat b’korruzzjoni.

Sorsi qrib il-gazzetta Sunday Times of Malta spjegaw li kelliema għal Korp avviċinaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex iħejju ħalli jressqu lill-eks Supretendent tal-Pulizija Ray Aquilina. Dan hekk kif mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-investigazzjonijiet waslu fi tmiemhom b’rabta ma’ leaks li kienu jseħħu fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Sorsi qrib il-gazzetta spjegaw li l-investigazzjoni kkonkludiet li Aquilina – li kien jifforma parti mid-Dipartiment tar-Reati Kriminali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija – mistenni jħabbat wiċċu ma’ numru ta’ akkużi, fosthom evażjoni ta’ taxxa u korruzzjoni. U dan kollu b’rabta mar-relazzjoni li kellu man-negozjant Yorgen Fenech, li allegatament kien involut fl-omiċidju tal-ġurnalista.

Aquilina kien arrestat f’April wara Inkjesta Maġisterjali, filwaqt li l-istess Times of Malta kienet irrapportat li l-Pulizija kienet qed tinvestiga ftehim dwar propjetà bejn l-eks Supretendent u Fenech.

Dan filwaqt li l-gazzetta żvelat ukoll li l-Pulizija kellhom interċettazzjonijiet telefoniċi li jsaħħu t-teorija tal-investigaturi li Aquilina kien qed iforni lil numru ta’ persuni informazzjoni sensittiva b’rabta mal-omiċidju.

Sadanittant, fis-Sajf tal-2019, l-eks Supretendent tal-Pulizija nqabad jidħol fl-uffiċċju ta’ Johann Cremona f’Ħal Qormi waqt sorveljanza li kienet qed isir mill-Pulizija.

Mix-xhieda li nstemgħet fil-Qorti, Cremona allegatament hu l-persuna li kienet tagħmilha ta’ intermedjarju bejn Yorgen Fenech, il-middleman Melvin Theuma u l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.