L-attakkant ta’ PSG u tat-tim nazzjonali Franċiż, Kylian Mbappe qal li Olivier Giroud żbalja meta għażel li jikkritika lil sħabu fit-tim, b’kumment fil-pubbliku. Fil-jiem li għaddew, wara l-aħħar partita ta’ ħbiberija kontra l-Bulgarija, u li Franza rebħet bl-iskor ta’ 3-0, Giroud kien dirett u ċar fil-kritika tiegħu meta tkellem mal-ġurnalisti, u qal li ma kienx mogħti servizz tajjeb minn sħabu, b’referenza għall-fatt li ma kienux qasmulu blalen sabiex jiskorja.
Dan il-kumment ittieħed fuq demm id-dars, minn sħabu fl-iskwadra Franċiża, partikolarment minn Mbappe nniffsu li ammetta li l-kummenti ta’ Giroud mhux biss dejquħ iżda affettwaħ fil-preparazzjoni tiegħu għall-bidu tal-Euro 2020.
“Ma dejjaqnix dak li qal u frankament dak li qal ma jolqotx lili. Giroud kien qed jesprimi l-opinjoni tiegħu u jien bħala attakkant bħalu, kemm il-darba jkolli l-istess sentiment waqt partita, u se jibqa’ jkolli sentimenti bħal dawn fejn inkun qed inħoss li mhux niġi mogħti servizz tajjeb minn sħabi fit-tim. Li dejjaqni mhux li esprima l-opinjoni tiegħu imma li għażel li jgħid dak li ħaseb fil-pubbliku, biex isir jafu kulħadd,” qal Mbappe.
L-eks attakkant ta’ Monaco u li għandu 22 sena, Mpabbe, kompla jgħid li wara l-partita ta’ kontra l-Bulgarija, u li fiha Giroud daħal bħala sostitut u skorja żewġ gowls, meta kienu fid-dressing room, “mort nifraħlu tal-gowls li skorja, u ma kkumenta xejn lura. Imbgħad smajt b’dak li qal fil-media. Fil-veritá ma qal xejn ħażin, imma l-fatt li tkellem hekk fil-pubbliku żbalja. Jien meta jkolli bżonn ngħid xi ħaġa lil xi ħadd, immur ngħidlu wiċċ imb’wiċċ fid-dressing room.”
//= $special ?>