Lokali

Ħaddiema fil-PBS urtati bl-indħil sfaċċat minn Kastilja u bil-mod malinn kif qed isiru l-affarijiet

Ħaddiema tal-Public Broadcasting Services (PBS) fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ il-mument u żvelaw magħna li diversi minnhom huma għalkollox urtati bl-indħil dirett minn Uffiċjali f’Kastilja u fil-mod sfaċċat kif qed isiru ċerti affarijiet. Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li għalihom hu inspjegabbli kif storekeeper fil-PBS spiċċa jkun meqjus fl-istess grad ta’ ġurnalista jew tekniku professjonali bħala ġurnalist u bħala tekniku professjonali. Qalulna li sejħa interna għal applikazzjonijiet fil-PBS biex ikun impjegat storekeeper iddemotivat u urtat lil ħafna ħaddiema.

Mis-sejħa rriżulta li dan il-grad se jkun fi Grad 6 fl-iskala tal-pagi. Dan ifisser li storekeeper tpoġġa fl-istess livell ta’ ġurnalista jew tekniku professjonali. Dan il-grad inħoloq mingħajr l-approvazzjoni tal-General Workers’ Union billi grad ġdid u ma jkunx fil-ftehim kollettiv,  jitlob li jkun diskuss u approvat bejn il-management tal-kumpanija u l-union bħala r-rappreżentanta tal-ħaddiema. Is-sorsi ta’ Il-Mument staqsew għaliex din is-sejħa ħarġet distinta minn oħra li saret ġimgħa biss qabel għall-ingaġġ ta’ ħaddiema f’seba’ kategoriji differenti? Tgħid biex ma jagħtix fil-għajn li l-istorekeeper se jkun fi Grad 6? It-tmexxija l-ġdida tal-PBS qed tmexxi bi stil ta’ dittatorjat. Taħseb li hi ’l fuq mil-liġi.

Fil-fatt sar magħruf li baxx baxx, u minn taħt, żewġ impjegati ngħataw promozzjoni mingħajr ebda sejħa interna. F’każ minnhom persuna li kienet tagħmel il-muntaġġ  kienet promossa għal Direttur Televiżiv waqt li persuna oħra fi grad ta’ Administrative Officer kienet promossa għal Co-ordinator tal-Inventarju tal-kumpanija. Dawn il-ħatriet, fissru s-sorsi ta’ il-mument, saru b’direct appointment miċ-Chairman Eżekuttiv mingħajr ebda sejħa interna għall-applikazzjonijiet kif jipprovdi l-ftehim kollettiv. Sadattant f’laqgħa li saret mill-General Workers’ Union għall-ħaddiema fil-jiem li għaddew ħarġet is-sens ta’ rabja għal dan l-atteġġjament tant li l-istess union fetħet ukoll tilwima industrijali. Is-sorsi ta’ Il-Mument fakkruna kif fl-1 ta’ April li għadda filgħaxija, li nzerta Ħamis ix-Xirka, u possibbilment sar hekk biex l-aħbar ma tantx tagħti fil-għajn u tintesa, id-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Gvern (DOI) ħareġ stqarrija fejn tħabbar Chairman Eżekuttiv ġdid għall-PBS.

Fl-istess stqarrija kien hemm żewġ sentenzi li fihom intqal ċar li l-Bord tad-Diretturi tal-PBS kien approva pjan ta’ tiġdid u riforma għax-xandir nazzjonali. Is-sorsi ta’ Il-Mument komplew li sa issa għaddew xahrejn sħaħ u la l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li hu responsabbli mix-xandir nazzjonali, u lanqas it-tmexxija tal-kumpanija ma kellha d-diċenza mqar tispjega lill-ħaddiema x’jinvolvi dan it-tiġdid u din ir-riforma. Huma staqsew għaliex il-ħaddiema tal-PBS huma stmati daqstant ħażin li ma jkunux mgħarrfa x’qed jiġri fil-kumpanija fejn iservu. Staqsew ukoll x’qed ikun imħejji għall-futur minn wara daharhom.

“Li nafu żgur s’issa hu li kien hemm riorganizzazzjoni fit-top management billi xi Managers kienu promossi għal Chief Officer. Ma nimmaġinawx li dawn żdiditilhom ir-responsabbiltà u ma żdidux fil-pagi/perkaċċi wkoll?! Fil-fatt dwar dan kollu qed jissemmew somom fenominali ta’ ħlas. Dan kollu meta l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija hu rappurtat li tinsab fi stat mill-aktar imwiegħer,” fissru sorsi ta’ Il-Mument. Huma komplew li wieħed miċ-Chief Officers il-ġodda, mhux wiċċ ġdid għall-kumpanija għaliex kien iħuf fil-kuriduri tal-post fuq proġetti varji imma sa fejn hu magħruf ma kienx impjegat full-time tal-post u għalhekk dan il-grad ingħata lil xi ħadd mhux strettament tal-post. Barra minn hekk ma saret ebda sejħa għal dawn il-karigi maniġerjali… la interna u lanqas esterna. Kollox magħżul u maħtuf minn tal-qalba.

Sadattant il-Managers l-oħra baqgħu hemm. Inbidlilhom it-titlu għax dawk li kienu Managers issa fil-ġerarkija tal-kumpanija saru magħrufa bħala Manager II u dawk li kienu Junior Managers saru Manager I. Fl-isfond ta’ dan kollu qed jissemma’ wkoll li se jkunu ingaġġati minn barra aktar nies b’ħatriet diretti. Qed jissemma wkoll ristrutturar ieħor bħal li l-istazzjon TVM2 minn Ottubru li ġej ikun dedikat biss għall-aħbarijiet, ġrajjiet kurrenti u sport fuq bażi ta’ 24/7 waqt li TVM ikun iffukat fuq entertainment. Imma b’mod uffiċjali ma hu jingħad assolutament xejn u kollox qed isir minn wara dahar il-ħaddiema. Sadattant fil-kurriduri tal-PBS diġà beda jingħad diskors dwar skandlu ieħor li mistenni jfaqqa’ minn mument għall-ieħor u dan jirrigwarda l-għażla tal-programmi għall-iskeda li jmiss.

Waħda mill-mistoqsijiet li qed issir hi dwar x’poteri jew influwenzi għandu l-Bord Editorjali. Din il-mistoqsija qed tingħad fl-isfond tal-fatt li kollox hu diskuss f’Kastilja bejn erba’ min-nies li qed jiddeċiedu kollox huma. Għaliex anki l-PBS sar istituzzjoni oħra mmexxija direttament minn Kastilja u kollox isir skont l-ordnijiet ta’ Kastilja… b’mod partikulari fil-Kamra tal-Aħbarijiet.

Tags