Għawdex Lokali

Ħaddiema Għawdxin diskriminati għax huma tal-kuntrattur u mhux tal-Gozo Channel

Impjegati Għawdxin li jaħdmu mal-kuntrattur fi ħdan il-Gozo Channel qed iħossuhom diskriminati mill-Gvern Laburista minn ħaddiema tal-kumpanija li jagħmlu l-istess xogħol bħalhom.

Ħaddiema tal-kuntrattur li tkellmu ma’ Il-Mument spjegaw kif saħansitra, ħaddiem li tkellem mal-Prim Ministru Robert Abela – meta dan tal-aħħar iltaqa’ mal-ħaddiema fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem – spiċċa ġie trasferit u kien mhedded li jista’ jitkeċċa. U dan minkejja li, quddiem il-cameras, Abela kien serraħlu rasu għal aktar minn darba li se jindirizza dawn l-anomaliji.

Filwaqt li fakkru kif il-Partit Laburista wiegħed paga ndaqs għall-istess xogħol, spjegaw ukoll kif ħaddiema oħrajn spiċċaw anke tkeċċew mill-impjieg għax ġibdu l-attenzjoni dwar il-fatt li huma għandhom anqas paga. U dan minkejja li hemm ħaddiema tal-kuntrattur li qed jintalbu jagħmlu xogħol ta’ periklu – fosthom fil-garaxx – minkejja li matul il-vjaġġ ikun hemm nuqqas ta’ ventilazzjoni xierqa.

Il-ħaddiema – li qed jallegaw ukoll li ċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina mhux qed jittrattahom tajjeb – spjegaw li n-nuqqas fil-paga jammonta għal bejn €7,000 u €8,000 fis-sena. Allegaw ukoll li wħud minnhom lanqas biss iħallsulhom l-assikurazzjoni fuq ħajjithom u ħlas mhux adegwat għas-sahra. Fil-fatt, qalu li filwaqt li l-ħaddiema tal-Gozo Channel jitħallsu bit-trippla għal kull siegħa sahra, il-ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu b’darba u nofs.

Barra minn hekk, il-ħaddiema tal-Gozo Channel u l-Griegi li jaħdmu abbord il-vapur Niklaus għandhom aċċess għall-vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer b’xejn. Madankollu, il-ħaddiema tal-kuntrattur m’għandhomx l-istess benefiċċju.

Quddiem dan kollu, ħaddiema ta’ fehma Laburista li jaħdmu mal-kuntrattur tkellmu ma’ xi wieħed mit-tliet Ministri Għawdxin li bħalissa jinsabu fil-Kabinett ta’ Robert Abela. Madankollu, qed jilmentaw li wieħed ifarfar fuq l-ieħor bit-tweġiba xotta li “int m’intix minn tiegħi”. L-aktar li qed tuża’ din l-imġiba ta’ arroganza mal-ħaddiema Għawdxin hi l-Ministru Justyne Caruana.

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ Il-Mument komplew jispjegaw li biex ikunu aġevolati aktar nies tal-qalba, inħarġu sejħiet biex ħaddiema jkunu trasferiti minn mal-kuntrattur għal mal-Gozo Channel. Madankollu, ħafna minn tal-kuntrattur qed jallegaw kif dawn is-sejħiet kienu “mbagħbsin” biex jintagħżlu dawk li jkunu tal-qalba.

Fis-snin kemm ilhom għaddejjin dawn l-inġustizzji kollha, il-ħaddiema tal-kuntrattur talbu l-appoġġ tal-UĦM Voice of the Workers, li min-naħa tagħha tat bidu għal direttivi biex taqbeż għall-ħaddiema. Iżda wara ftit jiem, il-ħaddiema li kienu qed isegwu d-direttivi bdew jiġu mhedda li jitnaqqsulhom is-sigħat minkejja li d-direttivi kienu jaraw li ma ssirx ħsara lit-trasport bejn iż-żewġ gżejjer.

Min-naħa tagħha, il-union għadha qed tinsisti li tkompli tħares il-ġid tal-ħaddiema kollha milquta.