Saħħa

Il-Partit Nazzjonalista jrid li fil-pajjiż ikollna l-aqwa u l-aħjar kura u servizzi fis-settur tas-Saħħa Mentali… inkluż bil-ftuħ ta’ sptar ġdid ħdejn l-Isptar Mater Dei

Mill-Arkivji

Fil-jiem li għaddew il-Partit Nazzjonalista ppreżenta uffiċjalment il-proposti tiegħu għat-tisħiħ tal-kura u s-servizzi fis-settur tas-Saħħa Mentali bl-iskop li l-pazjenti jingħataw l-aħjar u l-aqwa u dan kollu jkun ta’ sodisfazzjon ukoll kemm għall-familjari ta’ dawn il-pazjenti, kemm għall-professjonisti li jservu f’dan is-settur, u anki għall-Assoċjazzjonijiet li jimmilitaw f’dan il-kamp delikat.

Dwar dan kollu fil-jiem li għaddew Il-Mument tkellem  mat-Tabib Stephen Spiteri, Deputat Nazzjonalista, li flimkien għarbielna dawn il-proposti li huma wkoll il-frott tal-ħidma tal-clusters, li grazzi għad-diskussjoni fi ħdanhom qed joħorġu proposti li jżommu lill-bniedem fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed.

Stephen Spiteri fakkar li l-Partit Nazzjonalista, fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, ippreżenta wkoll proposti dwar is-settur tal-enerġija, politika 2+8 għall-irkupru u l-iżvilupp tas-settur turistiku ta’ pajjiżna; u proposti għal sistema serja għal detenzjoni b’dixxiplina u serjetà.

Issa l-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-proposti għal riforma fil-kura tas-Saħħa Mentali u saħaq li jrid li l-psikjatrija ma tibqax fil-periferija tas-sistema tas-saħħa f’pajjiżna, u li l-pjan biex dan iseħħ għandu jkun lil hinn mill-politika partiġjana.

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li matul din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti konkreti għal riforma fis-Saħħa Mentali.

Hu qal li din hi riforma tant importanti u mixtieqa għaliex tindirizza l-karba ta’ tant pazjenti li qed isofru minn xi forma ta’ mard mentali. Imma mhux biss, din hi wkoll riforma mill-aktar mistennija għaliex tindirizza wkoll karba oħra… din id-darba ta’ familjari ta’ pazjenti bi problemi mentali u li tant jixtiequ jarawhom jingħataw l-aqwa u l-aħjar kura possibbli biex mill-ġdid jintegraw fis-soċjetà.

Tajjeb li kulħadd japprezza s-sagrifiċċji kbar li jgħaddu minnhom kemm il-pazjenti kif ukoll il-familjari tagħhom. Ħafna drabi huma l-istess familjari li huma l-leħen ta’ persuni bi problemi mentali u li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet serji fil-ħajja tagħhom.

Stephen Spiteri qal li iżda hemm ħolqa oħra ferm importanti li b’dawn il-proposti l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jindirizza faxxa ferm importanti… ċioè dik tal-professjonisti li jaħdmu u jservu fis-settur tal-mard mentali u li ilhom sew jixtiequ li dan is-settur ferm importanti jibda jkun indirizzat b’mod effettiv u serju għall-ġid tal-pazjenti u anki tal-familjari tagħhom.

Il-professjonisti jixtiequ jaraw li din ir-riforma sseħħ u tkun suċċess biex ikollna l-aħjar u l-aqwa livelli ta’ kura anki f’dan il-qasam tant delikat.

Meta wieħed jitkellem dwar il-professjonisti li jservu f’dan il-kamp hemm il-psikjatri, l-infermieri, il-carers, is-social workers, l-occupational therapists u tant oħrajn li b’dedikazzjoni kbira jaħdmu f’dan il-qasam u jservu b’tant imħabba.

Hemm ukoll l-Assoċjazzjonijiet li jaħdmu f’dan is-settur u li għandhom ukoll ix-xewqa kbira li jaraw lil dawn il-pazjenti jkunu aġevolati fil-kura li jingħataw u fl-ambjent li fih jinżammu biex fih jirċievu l-kura u s-servizzi li jkollhom bżonn.

Tajjeb li wieħed japprezza li kemm il-pazjenti u l-familjari tagħhom, u kemm il-professjonisti u l-Assoċjazzjonijiet li jimmilitaw f’dan is-settur ilkoll tkellmu dwar il-ħtieġa ta’ riformi importanti fil-kura u s-servizzi li jingħataw dawn il-pazjenti biex hekk joħorġu mid-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom.

Għaliex f’dan is-settur hemm nuqqasijiet serji li tajjeb li l-Gvern jindirizza bl-akbar serjetà ħalli dan is-settur jimxi ’l quddiem. Hu għalhekk li fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew il-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ dawn is-setturi, tkellem u ddjaloga biex issa l-istess Partit Nazzjonalista qed jippreżenta dawn il-proposti għat-tisħiħ tal-kura u s-servizzi fis-Saħħa Mentali.

Il-Partit Nazzjonalista, ma’ dawn is-setturi varji, tkellem fuq livelli differenti, fosthom ukoll fuq livell ta’ clusters u dan għaliex il-Partit Nazzjonalista ried li jfassal dawn il-proposti b’serjetà kbira iżda wkoll li fl-istess waqt dawn il-proposti jkunu tassew jindirizzaw il-problemi eżistenti f’dan is-settur partikulari.

Stephen Spiteri qal li wieħed ikollu jammetti, u dan b’għafsa ta’ qalb, li s-Saħħa Mentali issa ilha għal żmien relattivament twil f’telqa. Dan ma hux ġustifikat u rridu naraw li mil-lum stess ikun hemm indirizz effettiv biex dan is-settur ikun aġevolat kif mixtieq u kif mistenni.

Bla dubju ta’ xejn li f’dan is-settur hu meħtieġ investiment finanzjarju qawwi biex il-bżonnijiet li hemm ikunu indirizzati b’mod immedjat u effettiv.

Investiment ieħor importanti hu dak fir-rigward tar-riżorsi umani. Irridu napprezzaw li dan il-qasam għandu jkun parti mis-servizzi u l-kura fuq livell nazzjonali u bil-patt li dawk milquta jingħataw l-aħjar u l-aqwa servizzi possibbli fir-rigward tal-kura tal-mediċina.

Irridu napprezzaw li f’pajjiżna diversi setturi oħrajn ta’ kura, fosthom il-kura tal-kanċer, avvanzajna ħafna ’l quddiem. Illum għandna ċ-Ċentru tal-Onkoloġija li qed joffri l-aħjar kura lill-pazjenti bi problemi tal-kanċer u fejn l-istess pazjenti qed jingħataw servizz b’dinjità u f’ambjent xieraq u dinjituż. U allura jekk ġara hekk f’setturi oħrajn, għaliex ma hux possibbli li jiġri hekk ukoll fil-kura u s-servizzi lill-pazjenti li għandhom problemi ta’ Saħħa Mentali?

Wieħed jistaqsi għaliex fir-rigward tal-kura mentali ħafna drabi l-Gvern imur għas-second class? Għaliex il-kura u t-trattamenti tal-kura fil-komunità l-Gvern ma jġibhomx aktar ’il quddiem? Jekk wieħed iħares lejn l-Isptar eżistenti fejn suppost li tingħata l-kura għas-Saħħa Mentali, waħdu jasal għal ċerti konklużjonijiet!

U hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jaħdem qatigħ biex ikun żviluppat sptar ġdid li jkun jista’ jlaħħaq mal-ħtiġiet kollha li jkollhom bżonn dawn it-tip ta’ pazjenti, inkluż ukoll sptar li jkun wieħed dinjituż.

Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern se jassigura wkoll li s-servizzi fil-Psikjatrija jkunu qed jingħataw bl-aħjar mod possibbli. Kura li għandha twassal għal riżultati inkoraġġanti sal-punt li tassew dawn il-pazjenti jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà u fil-komunità. “Aħna rridu naraw li pazjenti b’diffikultajiet mentali joħorġu minn dawn id-diffikultajiet u jirritornaw għall-postijiet tax-xogħol u għall-ħajja tas-soltu tagħhom biex hekk jissoktaw bil-ħajja tagħhom.”

Hu qal li l-pajjiż quddiemu għandu sfida serja… dik li jindirizza l-problemi li għandna fir-rigward li joffri l-aħjar u l-aqwa kura fis-Saħħa Mentali.

Tajjeb li wieħed japprezza li fil-kamp tal-mediċina qed ikun osservat żieda ta’ persuni li jbatu bid-dipressjoni. Dan mhux f’Malta biss, imma anki fuq livell internazzjonali. Saħansitra hemm min qiegħed isejjaħ dan l-istat ta’ fatt bħala l-pandemija l-ġdida. Qed ikollna żieda fl-għadd ta’ pazjenti li jbatu mill-ansjetà u minn problemi ta’ OCD.

Tajjeb li wieħed japprezza li l-mard mentali jista’ jaffettwa lil kulħadd, mit-tfal sa persuni fiż-żgħożija tagħhom, minn adulti sa persuni fl-anzjanità tagħhom. L-Istat hu fid-dover li jipprepara l-mekkaniżmi kif suppost biex jiffaċċja dawn iċ-ċifri bl-aħjar mod possibbli għaliex kull numru jfisser biss persuna umana li għandha tkun trattata bl-aħjar mod possibbli, b’dinjità u b’rispett.

Pajjiżna jeħtieġ li jkun ippreparat għal dak li jista’ jiġri għada u biex dan iseħħ jeħtieġ li min ikun fit-tmun tat-Tmexxija jifhem tajjeb l-importanza li jfassal pjani tanġibbli biex kull persuna bi problemi ta’ Saħħa Mentali, kemm-il darba jkollha bżonn, allura ssib is-sostenn tal-kura u s-servizzi li jkollha bżonn.

Problema serja ħafna hi n-nuqqas ta’ riżorsi umani f’dan is-settur. Illum għandna sitwazzjoni fejn numru limitat ta’ persuni jridu jlaħħqu ma’ domanda dejjem tikber ta’ pazjenti b’diffikultajiet ta’ Saħħa Mentali. X’qed jagħmel il-Gvern biex jindirizza din il-kwistjoni?

Tajjeb li wieħed japprezza li f’Malta għandha persuna waħda biss li timmilita fil-kura u s-servizzi ta’ tfal u adoloxxenti bi problemi ta’ Saħħa Mentali.

Tajjeb li wieħed japprezza wkoll li f’Malta għandna persuna waħda biss li timmilita fil-kura u s-servizz indirizzati għall-anzjani bi problemi ta’ saħħa mentali.

F’pajjiżna għandna tliet Psikoloġisti biss biex ilaħħaqu mad-domanda dejjem tikber ta’ dik li hi magħrufa bħala s-Sistema tas-Saħħa Nazzjonali ta’ pajjiżna.

Pajjiżna għandu nuqqas kbir ta’ social workers. Ħadd ma jista’ jgħid li l-kura tista’ tkompli tingħata fil-komunità kemm-il darba jidher biċ-ċar li fil-pajjiż m’hawnx l-infrastruttura ta’ riżorsi umani li għandna bżonn. Anzi, jekk wieħed irid jgħid il-verità, din l-infrastruttura ta’ riżorsi umani fiha ħafna nuqqasijiet u mankanzi mill-aktar serji.

Il-Partit Nazzjonalista jrid qawmien ġdid f’dan is-settur; qawmien li jinħass; qawmien li jħalli l-frott; qawmien fejn il-pazjenti jingħataw tassew l-aqwa u l-aħjar anki fir-rigward tal-ambjent fejn ikunu qed jinżammu sakemm joħorġu mid-diffikultajiet li jkunu fihom, temm Stephen Spiteri.