Internazzjonali

Iżrael: It-tmexxija ta’ Netanyahu riesqa lejn tmiem…

Il-Parlament (Knesset) ta’ Iżrael mistenni japprova l-formazzjoni ta’ Gvern ġdid għall-pajjiż, b’dan il-pass, effettivament, għandu jġib fi tmiem it-12-il sena konsekuttivi tat-tmexxija mill-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.

Il-Gvern prospettiv – magħmul minn koalizzjoni bla preċedent ta’ partiti – għandu maġġoranza ta’ siġġu wieħed biss iżda xorta hu mistenni li jieħu r-riedni tal-pajjiż u jikkonkludi l-era ta’ Netanyahu li hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li qatt dam fil-kariga.

Ladarba l-Gvern ġdid jieħu r-riedni tal-pajjiż b’mod uffiċjali, Iżrael għandu joħroġ minn sentejn ta’ paraliżi politika wara tliet elezzjonijiet ġenerali inkonklussivi li rriżultaw f’xenarju staġnat.

Intant, il-politiku radikali tal-lemin, Naftali Bennett, se jkun il-Prim Ministru ġdid ta’ Iżrael bħala parti minn ftehim għall-qsim tal-poter flimkien ma’ Yair Lapid, politiku taċ-ċentru u li jmexxi lill-Partit ta’ Yesh Atid.

Taħt il-ftehim għall-koalizzjoni, Naftali Bennett, li jmexxi lill-Partit Yamina, se jibqa’ fil-poter sa Settembru tal-2023 u meta imbagħad, ir-riedni tal-pajjiż jgħaddi għal idejn Yair Lapid li jkun qed imexxi għal sentejn oħra.