EURO 2020 Sport

L-ewwel partita f’tournament maġġuri għall-Maċdedonja ta’ Fuq

Fl-Arena National f’Bucharest ir-Rumanija, l-Awstrija jiltaqgħu kontra l-Maċedonja ta’ Fuq, li għal dawn tal-aħħar se jkun l-ewwel tournament maġġuri internazzjonali. Hekk kif huma l-inqas fil-kompetizzjoni, f’termini ta’ rankings tal-FIFA, il-Maċedonja se jkunu qed jilagħbu mingħajr ebda pressjoni. Min-naħa l-oħra l-Awstrija m’humiex wieħed mill-aktar timijiet tal-kompetizzjoni iżda kapaċi joffru sfida denja lil kull tim. Fost il-plejers importanti għal dan it-tim hemm id-difensur ta’ Real Madrid David Alaba, kif ukoll l-attakkant Marco Arnautovic. Għal Maċedonja se jkollhom lil Goran Pandev bħala l-punt ta’ riferiment fuq quddiem, hekk kif bl-esperjenza tiegħu fis-Serie A kapaċi joħloq azzjoni mix-xejn.

L-aħħar konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet wasal fl-2019 bl-Awstrija joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1, f’partita valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-istess Euro 2020. Il-partita tal-lum tista’ tkun waħda sinifikanti għall-Awstrija, fejn jew se jibqgħu mwaħħlin mad-diħappunit tal-passat, jew se jibdew jiktbu storja ta’ suċċess b’tim trelativvament żagħżugħ. Min-naħa l-oħra l-Maċedonja ta’ Fuq, mit-telfa kontra l-istess Awstrija, kellhom mixja pożittiva ferm fejn ma kienux maegħluba fl-aħħar tmien logħbiet, b’rebħiet fost l-oħrajn kontra l-Kosovo, l-Ġorġja u rebħa sorprendenti kontra l-Ġermanja. B’tim li jinsab fl-aqwa forma tiegħu l-Maċedonja jinsabu ħerqana u motivati sabiex jieħdu sehem fl-ewwel tournament maġġuri.