Lokali

L-iskema tal-passaporti attirat “nies serjissimi” u li “jħobbu lil Malta” – Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela iddefenda l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti. Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, Abela qal li dan il-programm attira nies “serjissimi, nies li jħobbu lil Malta”.

Il-Prim Ministru għamel dawn ir-rimarki hekk kif din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea se tibda proċeduri ta’ ksur fil-konfront tal-Gvern Malti dwar l-iskema tal-Passaporti.

Skema li permezz tagħha nies ta’ reputazzjoni dubjuża – bosta minnhom anke mfittxija fuq diversi reati – xtraw il-Passaport Malti u b’hekk, il-libertà li jivvjaġġaw lejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Robert Abela tkellem ukoll dwar l-Enerġija. U filwaqt li baqa’ ma semmiex kif il-poplu Malti u Għawdxi qed jinsteraq kif qed jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Mexxej Laburista ċaħad li l-Gvern qed jikkopja l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jinvesti fit-tieni Interconnector. Saħansitra ittanta jagħti x’jifhem li l-ewwel Interconnector kien proġett tal-Gvern Laburista.

Waqt l-istess intervista, Robert Abela tkellem ukoll dwar il-pandemija, fejn qal li issa ninsabu fil-fażi ta’ rkupru.

U fl-istess ġimgħa li diversi professjonisti fl-industrija tad-divertiment esprimew ir-rabja u d-diżappunt tagħhom għall-mod kif qed jiġu mwarrba u minsijin, Abela qal li l-Gvern “qed jaħseb fihom.”