EURO 2020 Gruppi Sport

L-Olanda tirritorna għall-Euro wara tmien snin diżappuntanti

Fl-Arena National f’Bucharest, l-Olanda jirritornaw fil-Kampjonati Ewropej bil-partita kontra l-Ukrajna. Dawn iż-żewġ timijiet huma l-favoriti li jgħaddu minn Grupp Ċ, bil-partita jaf tkun determinanti għal min jispiċċa fil-quċċata tal-grupp. L-Olanda, fil-partiti ta’ ħbiberija kisbu draw kontra l-Iskozja u rebħa ta’ 3-0 kontra l-Ġorġja. Fost il-plejers li spikkaw kien hemm l-attakkant prolifiku Memphis Depay, kif ukoll Wout Weghorst, li t-tnejn li huma kapaċi jkunu strumentali biex jipprovdu l-gowls għall-Olandiżi. L-Olanda bdew it-triq tagħhom fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni taħt it-tmexxija tal-coach Ronald Koeman, iżda l-istess coach għażel li jingħaqad ma’ Barcelona. Taħt il-coach Frank de Boer it-tim ma tantx impresjona minkejja t-talenti li għandu għad-dispożizzjoni bħal Frenkie de Jong, Matthijs de Ligt u Georginio Wijnaldum. Fin-nuqqas ta’ Virgil van Dijk, de Boer mistenni jmur għal formazzjoni ta’5-3-2 fejn jagħti rwol ħieles lil Memphis Depay.

Madanakollu, de Boer affaċja kritika minn diversi paritarji Olandiżi għal din il-formazzjoni hekk kif ħafna jħossu li hi kemxejn difensiva, u ma tmurx mal-istil ta’ futbol li mdorrijin naraw lill-Olandiżi jilagħbu.
Min-naħa l-oħra l-Ukrajna kellhom fażi ta’kwalifikazzjoni impressjonanti fejn ma tilfu qatt u kisbu biss żewġ draws. It-tim immexxi mil-leġġenda Ukren Andriy Schevchenko, mistenni jmur għal formazzjoni ta’ 4-3-3 bl-attakk jkun immexxi min Andriy Yarmolenko ta’ West Ham. Fuq wara l-eseperjenza ma’ Man City ta’ Zinchenko se tkun importanti għat-tim hekk kif id-difensur laterali kapaċi jkun ta’ għajnuna anke fil-fażi offensiva. Madankollu, għal Shevchenko l-kollettiv se jkun aktar importanti mill-individwalita, anke għaliex l-Ukreni, illum il-ġurnata huma kemxejn nieqsa minn individwi li kapaċi jbiddlulek logħba.

Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu biss darbtejn qabel il-partita tal-lum bl-Olanda jirbħu l-ewwel partita fl-2008 bl-iskor ta’ 3-0, filwaqt li t-tieni konfront fl-2010 ntemm fi draw ta’ 1-1.