Futbol Sport

Malta tirbaħ it-tieni partita ta’ ħbiberija kontra l-Montenegro

MALTA………………. 1

MONTENEGRO….. 0

Malta: P. Ebejer, S. Farrugia, C. Zammit (G. Zahra 84’), N. Sciberras, J. Flask, E. Lipman, R. Cuschieri, D. Theuma (V. Mifsud 73’), S. Zammit, M. Farrugia (K. Chetcuti 73’), E. Xuereb (R. Zerafa 56’), S. Buttigieg 84’)

Montenegro: A. Krstovic, M. Radunovic, A. Popovic, M. Saranovic, S. Bulatovic, N. Stanovic, J. Karlicic, A. Kuc, H. Bozic, D. Djukic, R. Kocanovic (A. Toskovic 54’)

Referee: Darryl Agius

Gowl fl-ewwel taqsima ta’ Jade Flask ta rebħa lit-tim nazzjonali Malti tan-nisa kontra l-Montenegro fit-tieni u l-aħħar partita ta’ ħbiberija. Prestazzjoni aħjar għan-nisa Maltin kontra tim li se jilagħbu kontrih darbtejn fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fl-2023.

Il-kowċ nazzjonali Mark Gatt beda b’Patricia Ebejer fil-lasta, gowlkiper li kellha prestazzjoni tajba. Emma Lipman kienet il-captain tal-ġurnata fl-għaxar dehra tagħha mat-tim nazzjonali.

L-ewwel tentattiv wasal wara 10 minuti b’xutt ta’ Dorianne Theuma li għadda fuq il-lasta. Ftit wara ċans tajjeb għat-tim Montenegrin b’Sladjana Bulatovic tipprova tqabbeż fuq Ebejer iżda t-tentattiv għadda ftit barra. Ebejer kienet strumentali biex ċaħħdet lil Bulatovic, b’Stephania Farrugia tbiegħed il-periklu minn fuq il-linja.

Il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fil-31 minuta meta Jade Flask iltaqgħet mal-kross minn korner ta’ Theuma u skorjat b’daqqa ta’ ras, f’dak li kien il-ħames gowl tagħha mat-tim nazzjonali.

Fit-tieni taqsima, il-Montenegro falliet ċans tad-deheb meta Stanovic kienet żmarkata fil-kaxxa iżda naqset li tinkwadra l-lasta. Il-pressjoni kompliet tiżdied u Ebejer kienet attenta biex b’save spettakolari ċaħħdet lil Stanovic.

Il-gowlkiper ta’ Mġarr United reġgħet salvat din id-darba fuq l-attakkanta Armisa Kuc erba’ minuti mit-tmiem.