Internazzjonali

Renju Unit: Il-mexxejja tal-G7 determinati li jwieġbu għall-poter u l-influwenza ekonomika taċ-Ċina

Iċ-Ċina wissiet lill-mexxejja tal-akbar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja li spiċċa ż-żmien meta grupp żgħir ta’ Stati influwenti seta’ jiddeċiedi d-destin tad-dinja.

Il-kummenti minn kelliem għall-Ambaxxata Ċiniża f’Londra kienu ċirkulati  waqt li l-mexxejja tal-G7 – l-akbar seba’ ekonomiji tad-dinja – qed jikkonkludu s-summit tagħhom ta’ tlett ijiem f’Cornwall, fl-Ingilterra.

Fil-fatt, il-mexxejja ‘tas-Seba’, fl-aħħar sigħat tas-summit, kienu qed jistinkaw biex jiffissaw pożizzjoni komuni fil-konfront taċ-Ċina li qed tikber dejjem aktar bħala potenza ekonomika.

Intant, il-mexxejja tal-G7 adottaw pjan ambizzjuż li għandu ‘jikkuntesta’ l-influwenza taċ-Ċina u li bih, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu offruti pjan għall-iżvilupp tal-infrastruttura li jħabbatha ma’ pjan simili tal-President Ċiniż, Xi Jinping, biex jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiżi anqas żviluppati. L-iskema taċ-Ċina tiswa diversi triljuni ta’ dollari u hi magħrufa bħala l-‘Belt and Road initiative’.

Għaldaqstant, il-G7 iddedikaw ħafna mis-summit għat-tfassil ta’ reazzjoni effettiva fil-konfront taċ-Ċina li qed issir aktar dominanti minn aspett ekonomiku u militari.  Sadanittant, l-analisti qalu li l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, hu determinat li l-potenzi tal-Punent jieħdu azzjoni ‘issa’ biex jilqgħu għall-avvanzi taċ-Ċina.

Id-dikjarazzjoni għal għeluq is-summit tal-G7 se tenfasizza l-wegħda ta’ appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li ntlaqtu mill-kriżi li qed taffettwa lill-klima. Intant, id-dikjarazzjoni għandha tirreferi wkoll għall-fondi li se jkunu investiti fil-proġetti infrastrutturali għad-dinja li għadha qed tiżviluppa u bħala alternattiva għall-programm taċ-Ċina.

Il-President Biden, fl-istess ħin, qal li jrid li l-pjan (appoġġjat mill-Istati Uniti) bl-isem Build Back Better World (B3W) ikun alternattiva ‘ta’ kwalità ogħla’ mill-Belt and Road Initiative taċ-Ċina, Iżda waqt li l-iskema għenet għall-finanzjament ta’ networks għall-ferroviji u l-bini tat-toroq u portijiet f’diversi pajjiżi, din spiċċat ukoll mira għal kritika minħabba li, f’xi każi, numru ta’ pajjiżi spiċċaw mgħobbijin b’dejn li ma kenux jifilħu għalih.

Il-battalja kontra l-bidliet fil-klima

Sadanittant, il-mexxejja tal-G7 f’Cornwall qed jaħsbu biex jadottaw miżuri stretti rigward l-impjanti u l-faċilitajiet li jaħdmu bil-faħam, bħala parti minn politika għall-kontroll tal-bidliet fil-klima. Dawn il-mexxejja, intant, wiegħdu biex iwarrbu l-impjanti tal-faħam dment li dawn l-impjanti ma jkollhomx it-teknoloġija li ma tippermettix iċ-ċirkolazzjoni tal-carbon emissions.

L-impenn sar magħruf anki waqt li l-istoriku veteran magħruf, Sir David Attenborough, wissa li l-bniedem jista’ jinsab qrib ħafna ‘li jiddistabbilizza lill-pjaneta kollha’.  Fl-istess ħin, Attenborough qal li l-mexxejja tal-G7, issa, qed jiffaċċjaw l-aktar deċiżjonijiet importanti fl-istorja tal-bniedem.

L-aħbar dwar il-miżuri stretti fil-konfront tal-impjanti tal-faħam ħarġet mill-White House tal-Istati Uniti li qal li din hi l-ewwel darba li l-mexxejja tal-pajjiżi sinjuri impenjaw ruħhom biex it-temperatura globali tinżamm, potenzjalment, mal-1.5C

Dan it-tragward, sadanittant, teħtieġ l-implimentazzjoni urġenti ta’ politika relevanti – u partikularment politika li twaqqaf il-ħruq tal-faħam f’każi fejn il-gassijiet ma jistgħux ikunu kontrollati.