Internazzjonali

Russja: Ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti huma ‘l-agħar għal snin’

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li r-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati Uniti jinsabu ‘fl-aktar punt baxx’ għal ħafna snin. Dan meta hu qed iħejji għal laqgħa sinifikanti mal-President Amerikan, Joe Biden, li għandha ssir fis-16 ta’ Ġunju.

Putin, waqt intervista lil NBC News, qal li r-relazzjonijiet bejn pajjiżu u l-Istati Uniti, bħalissa huma l-agħar li kienu għal ħafna snin u, fil-fatt, il-laqgħa tiegħu ma’ Biden – li se ssir f’Ġinevra – diġà qed tiġġenera aktar tensjoni milli wieħed stenna.

Il-President Biden, fl-istess ħin, wissa lill-President Putin li ‘se jkun qed iwassallu messaġġ ċar’ waqt il-laqgħa ta’ bejniethom.

Fl-istess ħin, Joe Biden ried jiċċara li pajjiżu mhux qed ifittex xi konflitt mar-Russja u li l-Istati Uniti trid relazzjoni ‘stabbli u prevedibbli’ ma’ Moska. Intant, Biden enfasizza li l-Istati Uniti ‘għandha tagħti tweġiba soda f’każ li l-Gvern Russu jinvolvi ruħu f’attivitajiet li jħallu impatt negattiv għall-interessi tal-Amerikani.’

L-ewwel laqgħa wiċċ imb wiċċ bejn dawn iż-żewġ Presidenti se ssir fi żmien ta’ tensjoni qawwija bejn Washington u Moska rigward diversi issues – fosthom  allegati attakki ċibernetiċi tar-Russi fuq l-Istati Uniti u l-arrest u priġunerija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu, Alexey Navalny, li hu kritiku kbir ta’ Putin.