Lokali

Sewwieq ta’ mutur fil-periklu tal-mewt wara inċident f’Ħal Kirkop

Sewwieq ta’ mutur minn Ħal Tarxien spiċċa jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħal Kirkop.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u nofs tas-Sibt waranofsinhar fi Triq il-Mini ta’ Ħal Kirkop meta għal xi raġuni s’issa mhux magħrufa, ir-raġel ta’ 57 sena tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq bil-konsegwenza li nqaleb.

Fil-post ġew imsejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija flimkien ma’ tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lill-vittma l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li ħatret inkjesta, bl-investigazzjonijiet jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.