Fl-ewwel partita minn Grupp D, f’Wembley Stadium l-Ingilterra se jaffrontaw lil Kroazja. L-Ingilterra għandhom aspirazzjonijiet kbar , b’tim żagħżugħ mimli talent u plejers li kisbu numru ta’ suċċessi mal-clubs rispettivi tagħhom. Għal coach Gareth Southgate se jkollu deċiżjoni iebsa biex jagħżel l-ewwel ħdax speċjalment fil-fażi tal-midfield u fil-fażi offensiva. Fl-aħħar partiti Southgate mar għal erba’ difensuri minflok bi tlieta, liema sistema ta’ 3-5-2 kienet ħadmet tajjeb ħafna fit-Tazza tad-Dinja tal-2018.
B’Harry Maguire barra mill-ewwel partita, Tyrone Mings u Conor Coady jistgħu jkunu l-plejers li jieħdu postu. F’nofs il-ground Declan Rice hu wieħed mill-ewwel plejers tal-ewel ħdax, b’Jordan Henderson jew Kalvin Phillips jakkumpanjawh. Fl-attakk, l-unika plejers li hu ċert għal Southgate hu l-captain Harry Kane, li għadu ġej minn l-aqwa staġun personali tal-karriera fejn skorja 23 gowl u provda 14-il assist. Warajh Phil Foden, Mason Mount, Jack Grealish, Marcus Rashford, Raheem Sterling u Jadon Sancho kollha se jkunu qed jiġġieldu għal post mal-ewwel ħdax.
Min-naħa l-oħra l-ewwel ħdax tat-tim Kroat jista’ jkun aktar prevedibbli minn dak tal-Ingilterra. Minkejja l-uċuħ ġodda li nkluda l-coach Zlatko Dalic, il-plejers stabbiliti bħal Luka Modric, Mateo Kovacic u Ivan Perisic se jkunu qed jixxprunaw it-tim matul il-kompetizzjoni, fejn kapaċi jaslu sal-finali tal-kompetizzjoni, kif għamlu wara kollox fit-Tazza tad-Dinja tal-2018. Fl-attakk Ante Rebic mgħejjun minn Nikola Vlasic se jkunu qed jipprovdu l-ħeffa u l-gowls għat-tim Kroat.
Iż-żewġ timijiet huma meqjusa bħala l-favoriti li jirbħu Grupp D, bit-tim li jispiċċa fl-ewwel post kapaċi jkollu għadma iebsa fil-fażi tal-aħħar sittax. Fl-aħħar konfront bejn dawn it-timijiet l-Ingilterra ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 fil-UEFA Nations League, bil-Kroati jkunu t-tim li elimina lit-tim Ingliż mill-aħħar Tazza tad-Dinja fir-Russja. Għalhekk l-Ingilterra se jkollhom raġuni oħra għaliex se jkun qed iħarsu li jpattu għad-disfatta u jibdew il-Euro 2020 fuq nota pożittiva.
//= $special ?>