Lokali Qorti

Ġurin biex jiġi deċiż jekk Ġermaniż kienx fi stat ta’ ġenn meta allegatament wettaq ‘hold-up’ f’Tas-Sliema

Quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja ngħata bidu ta’ ġurin fejn il-ġurati jridu jiddeċiedu jekk Ġermaniż ta’ 33 sena kienx fi stat ta’ ġenn meta fix-xitwa tas-sena l-oħra allegatament ikkommetta ‘hold-up’ f’ħanut tal-frott u l-ħaxix f’Tas-Sliema.

Oliver Krautsched qed jgħid li fil-25 ta’ Frar tas-sena 2020 meta kien sar il-‘hold-up’ għad-dannu ta’ Gerald’s Fruit and Vegetables, fi Triq il-Creche, huwa kien fi stat ta’ ġenn u għaldaqstant m’għandux jgħaddi ġuri jew xi proċeduri oħra dwar dan il-każ.

Meta tressaq il-Qorti huwa kien ġie mixli li seraq l-ammont ta’ €3,000 u anke uża l-‘pepper spray’ waqt li kkommetta r-reat. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ hija mmexxija mill-Ispetturi Colin Sheldon, Fabian Fleri u Lydon Zammit. Minn naħa tal-Avukat Ġenerali l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Angelle Vella.

Krautsched, li għalih qed jidhru l-Avukati Dustin Camilleri u Ezekiel Psaila qed jiffaċċa ġurija mhux biex tiġġudikah fuq il-mertu tal-każ iżda dwar il-qagħda mentali tiegħu dak iż-żmien. Bħalissa huwa jinsab bil-libertà proviżorja iżda l-Isptar Monte Carmeli, bħala parti mill-kundizzjonijiet imposti fuqu.

Fil-ġurin iridu jixhdu ukoll psikjatri u persuni inkonnessjoni mal-każ. Legalment il-kwistjoni jekk persuna hijiex fi stat ta’ ġenn jew le mhijiex kwistjoni medika, psikoloġika jew psikjatrika. Hija kwistjoni legali. Ġenn mhuwiex terminu mediku jew psikjatriku.

Huwa esklussivament terminu legali u kunċett legali. Fi proċedimenti fuq eċċezzjoni ta’ ġenn, il-kwistjoni mhijiex kemm jekk persuna hijiex marida mentalment imma jekk persuna tinsabx fi stat ta’ ġenn skond il-liġi.

Persuna tista’ tkun marida mentalment iżda mhux fi stat ta’-ġenn skont il-liġi. Jekk persuna hijiexf’dan l-istat jew le qatt ma jista’ jiġi deċiż minn esperti għaliex jekk persuna kinitx f’dan l-istat jew le fil-ħin rilevanti jiddependi fuq il-fatti partikolari tal-każ u n-natura u l-elementi tar-reat partikolari li huwa akkużat bih. .

Jekk persuna tkunx fi stat ta’ ġenn skond il-liġi huwa essenzjalment kwistjoni ta’ fatt u mhux kwistjoni ta’ psikjatrija jew psikoloġija u, bħala tali, għalhekk, hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-ġurija u mhux minn ħaddieħor.

L-esperti jinħatru sabiex jassistu lill-ġurija biex tasal għad-deċiżjoni tagħhom u biex ma jissostitwixxux id-deċiżjoni tagħhom għal dik tal-ġurija. Hija l-ġurija, mhux l-esperti, li għandhom l-evidenza kollha quddiemhom u huma l-ġurija, mhux l-esperti, li għandhom il-benefiċċju tas-sottomissjonijiet legali ta’ avukat għall-prosekuzzjoni u avukat għad-difiża kif ukoll id-direzzjoni ta’ l-Imħallef li jippresjedi l-każ.

Dan kollu jiġi spjegat lill-ġurija fil-kors tal-proċeduri fuq l-eċċezzjoni dwar il-ġenn. Il-ġurija għalhekk tkun f’pożizzjoni aħjar mill-esperti biex tasal għal deċiżjoni. Hija wkoll f’pożizzjoni aħjar, infurmata aħjar dwar il-fatti tal-każ u jkollha struzzjonijiet aħjar dwar il-liġi kif applikabbli għall-fatti minn kwalunkwe espert maħtur mill-Qorti.