Lokali Parlament

Il-Gvern m’għandux iwaqqaf l-investiment fl-OHSA; jeħtieġ persuni speċjalizzati

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici appella lill-Gvern biex iżid l-investiment fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) kemm b’investiment dirett kif ukoll f’ingaġġ ta’ nies speċjalizzati.

Fil-parlament Carm Mifsud Bonnici qal li l-OHSA ilha sservi numru ta’ snin u wasal iż-żmien li jsir dibattitu dwar il-ftuħ tal-ħidma ta’ din l-Awtorità. Hu sostna li l-investiment f’din l-Awtorità issa ilu wieqaf għal ħafna snin u sostna li l-Awtorità m’għandhiex titwaqqaf milli tkompli topera minħabba nuqqas ta’ investiment; għalhekk jetieġ iktar nies speċjalizzati f’din l-Awtorità.

Id-deputat Nazzjonalista qal li wasal iż-żmien li ssir iktar pressjoni biex il-Gvern jinvesti iktar flus f’din l-Awtorità. Dan biex l-Awtorità tkun iktar preparata quddiem l-isfidi li għandha s-soċjetà u qabel isiru l-inċidenti.

Illum is-istwazzjoni hi ferm iktar komplessa, sostna Carm Misud Bonnici, li qal li s-saħħa u s-sigurtà tas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol mhux qed ikunu diskussi kif suppost u kemm hu meħtieġ.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li minn studji qed jirriżulta li kwantità kbira ta’ nies qed ibatu b’daharhom minħabba li fil-pandemija kienu qed jaħdmu mid-dar.

Jirriżulta li l-uġiegħ fid-dahar issa hu ferm ikbar minn dak li kien qabel il-pandemija. Problema oħra hi l-obeżità għaliex din hi sfida nazzjonali li l-pajjiż qed joqgħod lura minnha għalkemm il-PN ilu jappella biex jittieħdu l-miżuri neċessarji.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pjazez mhux qed jinbnew kif suppost b’periku kbar għall-pubbliku; fost dawn hemm il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid fejn hemm rapporti ta’ periti li qed jispeċifikaw li hemm periklu għall-ħaddiema, il-pubbliku u anki għall-karozzi li jgħaddu minnha.