Lokali Parlament

Il-Ministru tat-Turiżmu ma jispjegax kif qed isiru xogħlijiet bil-lejl f’San Pawl il-Baħar

Il-Parlament jinsab sospiż wara li l-Oppożizzjoni talbet kworum b’konsegwenza ta’ tweġiba parlamentari deskritta bħala arroganti li ta l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista David Thake.

Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari d-deputat Nazzjonalista David Thake staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu jisjega kif fi Triq San Pawl f’San Pawl il-Baħar qed isiru xogħlijiet bil-lejl b’konsegwenza li r-residenti ma jistgħux jorqdu. David Thake qal li kien diġà informa lill-Ministru Bartolo b’dan il-każ iżda ma kellux tweġiba.

Il-Ministru Bartolo ma tax tweġiba għal din il-mistoqsija u qal li biss li min jagħmel l-ilment irid jirrikonoxxi lill-Ministeru tat-Turiżmu.

F’mistoqsija supplimentari, David Thake sostna li dan kien mod arroganti kif il-Ministru Bartolo jwieġeb il-mistoqsijet u rrimarka li l-Ministru Bartolo kien qed jippretendi li r-residenti jridu jistennew ġimgħa sakemm il-Ministru Bartolo jikseb l-informazzjoni. Il-Ministru Bartolo reġa’ wieġeb li hu kien se jħalli lil min jagħmel iz-zalzett biex fil-fatt jagħmel iz-zalzett u min jaħdem bie xjaħdem.

F’dan il-mument, fuq point of order, il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li dan ma kienx il-mod kif il-Ministru Bartolo jwieġeb il-mistqosijiet u għalhekk kien qed jisejjaħ kworum. Minħabba li f’dak il-ħin kien hemm biss tliet deputati Laburisti fil-parlament, l-Ispeaker issospenda s-seduta sakemm fil-Kamra daħlu numru ta’ deputati Laburisti.