EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Il-pressjoni fuq il-kowċ Paulo Sousa

(Ritratt: EPA)

Fi grupp li jinkludi wkoll lil Spanja u l-Iżvezja, il-kowċ tal-Polonja Paulo Sousa jinsab taħt pressjoni biex jikseb rebħa kontra l-anqas tim kwotat is-Slovakkja. Sousa ħa r-riedni tat-tim mingħand Jerzy Brzeczek aktar kmieni din is-sena iżda sa issa kiseb biss rebħa. Hu esperimenta b’diversi plejers u formazzjonijiet tattiċi differenti.

Fl-ewwel logħbiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, il-Polonja kisbet punt mill-konfronti kontra l-Ingilterra u l-Ungerija filwaqt li rebħet kif mistenni kontra l-Andorra. Dan filwaqt li spiċċaw draw kontra r-Russja u l-Iżlanda f’partiti ta’ ħbiberija. Fortunatament għalih, fl-attakk għandu lil Robert Lewandowski li għadu magna tal-gowls.

Is-Slovakki waslu sal-aħħar 16 fl-ewwel dehra tagħhom mal-aqwa timijiet fl-Ewropa ħames snin ilu. It-triq tagħhom biex jerġgħu jaslu f’dik il-fażi hi aktar diffiċli iżda se jkollhom l-anqas pressjoni biex jippruvaw jikkwalifikaw.

Madankollu l-bżonn ta’ riżultati pożittivi hu kbir hekk kif fl-aħħar sena rebħu biss żewġ logħbiet mill-aħħar 13-il logħba fil-ħin regolamentari. F’Marzu li għadda, kienu miżmuma fi draws kontra Ċipru u t-tim nazzjonali Malti f’partiti kompetittivi.

GRUPP E: Krestovsky Stadium: Polonja v Slovakkja 6.00pm