Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad talba ta’ Yorgen Fenech fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami

Il-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet talba ta’ Yorgen Fenech fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami.

Yorgen Fenech kien talab lill-Qorti tiddikjara li Beppe Fenech Adami kiser id-dritt fundamentali tiegħu ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza b’kummenti li kien għamel f’seduta tal-PAC fejn kien stqarr li kieku ma seħħx il-kuntratt tal-Electrogas, Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel.

il-Qorti tqis illi b’dak li qal, ma jistax jingħad li huwa rrefera għall-imputat bħala ħati tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.  Yorgen Fenech ma ssemma mkien b’ismu meta d-Deputat Beppe Fenech Adami għamel id-dikjarazzjoni li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba korruzzjoni fl-Electrogas. fejn imkien ma qal li huwa ħati tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u lanqas irrefera għalih bħala tali.

Beppe Fenech Adami sostna li bħala Membru Parlamentari huwa mhux awtorità pubblika għall-finijiet tal-Artikolu 366Ċ tal-Kap. 9 jew tad-Direttiva (UE) 2016/343 u dak li stqarr waqt l-imsemmija laqgħa huwa l-fehma politika tiegħu bħala Membru Parlamentari. 

Konsegwentement, il-proċediment invokat minn Yorgen Fenech ma jgħoddx ghalih u għall-istqarrijiet pubbliċi li seta’ għamel.  Qal wkoll li huwa fl-ebda stadju ma semma l-isem ta’ Fenech iżda kien qiegħed jirreferi għal stqarrija pubblika maħruġa fit-23 ta’ Settembru tal-2020.

Għalhekk quddiem dan kollu, il-Qorti qalet li li dak li ntqal minn Beppe Fenech Adami ma jinkwadrax f’dak li tipprovdi l-liġi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dikjarazzjoniet li jsiru minn uffiċjali pubbliċi.