Internazzjonali

Is-summit tan-NATO: Stoltenberg iwissi biex l-Alleanza tal-Punent ‘tikkonfronta’ l-influwenza taċ-Ċina

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, ħeġġeġ lill-Istati membri tal-Alleanza tal-Punent biex ‘iwieġbu’ għall-influwenza taċ-Ċina komunista li qed tkompli tinfirex madwar id-dinja. It-twissija ngħatat qabel summit importanti li qed isir fil-Belġju, bil-ħsieb li l-Istati Uniti ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-istess Alleanza.

Il-kapijiet tan-NATO mistennija joħorġu stqarrija fis-sens li ċ-Ċina għandha titqies bħala ‘theddida ewlenija għas-sigurtà tal-pajjiżi-membri tal-Alleanza’. Għaldaqstant, it-taħditiet tan-NATO qed jikkonċentraw fuq l-aspett ta’ sigurtà kollettiva, flimkien mal-passi li jibbilanċjaw l-iżvilupp rapidu taċ-Ċina bħala potenza militari.

Jens Stoltenberg fisser dan is-summit bħala ‘mument kruċjali u sinifikanti’ għan-NATO, fi żmien ta’ taqlib u inċertezza għad-dinja. Hu qal li għalkemm l-Alleanza mhix dieħla fi  Gwerra Bierda oħra – u meta ‘iċ-Ċina mhix titqies bħala avversarju tan-NATO’ — il-pajjiżi membri tal-Alleanza jeħtieġu jindirizzaw, flimkien, l-isfidi li ċ-Ċiniżi qed jimponu għas-sigurtà tal-Punent.

Fattur sinifikanti ieħor kien li din il-laqgħa hi l-ewwel waħda tan-NATO bis-sehem tal-President Amerikan Joe Biden, mindu hu ħa t-tmexxija tal-Istati Uniti.

In-NATO hi alleanza politika u militari b’saħħitha ffurmata minn 30 pajjiż mill-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq.

L-Alleanza tal-Punent kienet twaqqfet wara t-Tieni Gwerra Dinjija biex tikkonfronta t-theddida u l-espansjoni tal-eks Unjoni Sovjetika komunista u fl-aħħar snin, l-istess alleanza spiċċat taħt pressjoni kbira waqt li diversi mexxejja kkuntestaw ‘l-iskop (tan-NATO) flimkien mal-finanzjament tagħha bħala alleanza effettiva’.

Il-Presidenza ta’ Donald Trump, fl-Istati Uniti, kienet wasslet għal perjodu ta’ tensjoni kbira, bi Trump jilmenta dwar il-kontribut finanzjarju ta’ pajjiżu lill-Alleanza. Iżda waqt li Trump anki kkuntesta ‘l-impenn tal-Istati Uniti biex tiddefendi lill-pajjiżi sieħba Ewropej’, Joe Biden, b’kuntrast, qed jagħmel minn kollox biex isostni mill-ġdid l-appoġġ ta’ pajjiżu lill-Alleanza tan-NATO li ilha mwaqqfa għal 72 sena.

Fl-aħħar sigħat, il-President Biden enfasizza li ‘in-NATO hi kritikament importanti għall-interessi tal-Istati Uniti’ u li pajjiżu għandu ‘obbligu sagru’ biex josserva Artiklu 5 tat-trattatt għat-twaqqif tal-Alleanza li jimpenja lill-Istati membri biex jiddefendu lil kull wieħed minnhom li jispiċċa attakkat.

Sadanittant, il-bidliet fil-klima, is-sigurtà fis-settur ċibernetiku, ir-Russja u l-irtirar tal-qawwiet tan-NATO mill-Afganistan qed jinkwadraw ukoll fuq l-aġenda tas-summit tal-Alleanza fi Brussell.