Internazzjonali

Iżrael: Il-Prim Ministru ġdid iwiegħed l-għaqda

Il-Prim Ministru ġdid ta’ Iżrael, Naftali Bennett, wiegħed li jwassal għall-għaqda fost l-Iżraeljani wara li l-pajjiż ilu s-snin ibati f’sitwazzjoni ta’ staġnar politiku.Bennett wiegħed li l-Gvern tiegħu għandu jaħdem ‘fl-interess tal-poplu sħiħ’ waqt li wiegħed li l-Gvern immexxi minnu se jagħti priorità lir-riformi fl-edukazzjoni u s-saħħa minbarra li jagħmel l-almu biex inaqqas mill-burokrazija.

Dan il-mexxej ġdid – politiku tal-lemin radikali – qed imexxi koalizzjoni bla preċedent ta’ partiti li, nhar il-Ħadd, rebħet vot ta’ fiduċja b’marġni żgħira ħafna li hi rappreżentata b’siġġu wieħed biss.

Bennett, intant, qed jieħu post Benjamin Netanyahu li kellu jwarrab wara 12-il sena fir-rwol ta’ Prim Ministru. L-istess Naftali Bennett, li jmexxi lill-Partit Yamina, se jkun il-Prim Ministru ta’ Iżrael sa Settembru tal-2023 bħala parti minn ftehim għall-qsim tal-poter – u bir-riedni tal-Gvern imbagħad jgħaddi f’idejn Yair Lapid, il-Kap tal-Partit Yesh Atid taċ-ċentru, li għandu jaqdi r-rwol ta’ Prim Ministru għal sentejn.

Min-naħa tiegħu, Benjamin Netanyahu se jibqa’ bħala l-Kap tal-Partit Likud tal-lemin minbarra li se jservi wkoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni Iżraeljana. Intant, Netanyahu, waqt id-dibattitu tal-Ħadd fil-Parlament (Knesset) ta’ Ġerusalemm, għamilha ċara li hu u l-Likud se jagħmlu ‘ritorn qawwi’ minn aspett politiku.

Dan wara li l-koalizzjoni ġdida f’Ġerusalemm kienet approvata b’60 vot kontra 59, b’astensjoni waħda.