Fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra każ ġdid ta’ COVID-19 filwaqt li fiequ 6 persuni biex b’hekk il-każi attivi f’pajjiżna issa niżlu għal 54. Dawn iċ-ċifri joħorġu minn fost 1,021 swab test. Aħbar tajba kienet li għal jum ieħor, ma kienet reġistrata ebda fatalità tal-Coronavirus f’Malta u f’Għawdex biex b’hekk it-total ta’ mwiet baqa’ 419. L-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li fl-aħħar sigħat, madwar 1,500 persuna tlaqqmu b’mod sħiħ għal kontra l-virus.
L-istatistika turi li għad-19-il jum konsekuttiv, ma ġiet irreġistrata l-ebda fatalità kawża tal-Coronavirus f’pajjiżna filwaqt li fl-aħħar għaxart ijiem, pajjiżna rreġistra total ta’ 23 każ ġdid.
Intant, l-Air Malta qed tgħid li minn meta l-ivjaġġar reġa’ rritorna għan-‘normal’ fil-11 ta’ Ġunju, madwar persuna għal kull titjira qed tiġi miċħuda milli titla fuq titjira tal-linja nazzjonali. Dan meta bħalissa, id-dħul f’Malta mingħajr kwarantina jista’ jsir biss fuq il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tal-vaċċin maħruġ f’Malta jew swab test meħud 72 siegħa qabel il-wasla. Kelliem għall-Air Malta qal li madwar 160 passiġġier ma tħallewx jitilgħu fuq l-ajruplan minħabba dokumenti insuffiċjenti.
F’aħbarijiet separati, numru ta’ persuni li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif is-sit tal-Gvern li minnhu joħroġ iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux qed jaħdem kif suppost fejn jidher li għal xi raġuni l-website qed tkun inaċċessibli għal ċertu ħinijiet matul il-ġurnata.
//= $special ?>