Lokali Parlament

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà għandha tkun imsaħħa biex tikkumbatti wkoll is-saħħa mentali

Stephen Spiteri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella biex l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol tkun imsaħħa biex b’hekk ma jikbrux il-problemi ta’ saħħa mentali li qed jiżdiedu fil-pajjiż.

Fil-parlament Stephen Spiteri qal li l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol rnexxielha tlaħħaq mal-isfidi fis-settur partikolarment fl-iżvilupp fil-kostruzzjoni biż-żieda ta’ ħaddiema barranin.

Hu semma’ l-inċidenti fatali li seħħew u appella biex ikun hemm assigurazjzoni li r-regoli jkunu osservati. Irid ikun assigurat li ma jkunx hemm emissjonijiet tossiċi b’detriment għall-ħaddiema u għar-residenti, partikolarment fin-naħa t’isfel ta’ Malta fejn hemm ċertu attività industrijali.

Hu tkellem dwar l-impatt fuq is-saħħa mentali u qal li l-COVID effettwat lill-ħaddiema li kenu fuq quddiem. Jeħtieġ li jibqgħu jkunu osservati r-regoli għaliex il-virus għadu fil-pajjiż.

Hu appella biex jtitieħdu miżuri biex dawn il-ħaddiema jkollhom il-kundizzjonijiet imtejba; kif għandu jsir fis-sitwazzjoni tax-xogħol prekarju.

Stphen Spieri tkellem dwar diversi kategoriji ta’ ħaddiema fil-produzzjoni u fil-manifattura u appella biex ikun hemm l-aqwa kundizzjonijiet għal dawn il-ħaddiema.

Hu appella biex jinqatgħu l-abbużi ta’ kull tip minn fuq il-post tax-xogħol għaliex dawn jeffettwaw is-saħħa mentali tal-ħaddiema. Importanti wkoll li jkun hemm il-kunsiderazzjonijiet neċessarji għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fuq il-post tax-xogħol. Jeħtieġ li jkun hemm sistema li permezz tagħha jkunu identifikati l-abbużi minn kmieni.

Il-ħaddiema m’għandhomx isibu d-diffikultajiet biex iressqu l-ilmenti tagħhom quddiem l-isfidi li jkollhom. Min iħaddem għandu jkun inċentivat joffri servizzi psikoloġiċi lill-ħaddiema.

Is-saħħa mentali għandha tkun pjattaforma ta’ qbil u kien għalhekk li l-PN nieda numru ta’ proposti importanti f’dan is-settur. Waħda mill-proposti hi edukazzjoni b’saħħitha fl-iskejjel.

Proposti huma jitrattaw spazji miftuħa, ħolqien ta’ ġonna, appoġġ psikoloġiku fuq il-postijiet tax-xogħol, inċentivi għall-attività fiżika, l-importanza tax-xogħol ta’ kwalità u r-rispett lejn il-ħaddiema, sostna d-deputat Nazzjonalista.