EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

L-Iskozja tfittex rebħa fir-ritorn waqt kompetizzjoni maġġuri

(Ritratt: EPA)

Il-logħba tal-lum se tkun l-ewwel waħda għat-tim nazzjonali Skoċċiż f’kompetizzjoni maġġuri mill-1998. Għalkemm għadha l-ewwel logħba, dan il-konfront jitqies aktar importanti wara li l-Kroazja kienet megħluba mill-Ingilterra.

It-tim ta’ Steve Clarke mhux meqjus bħala favorit li jgħaddi mal-aħħar 16 u għalhekk iqisu l-konfront kontra r-Repubblika Ċeka bħala fondamentali biex jikkwalifikaw. L-Iskoċċiżi ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra l-Olanda u kisbu rebħa ta’ 1-0 kontra l-Lussemburgu fl-aħħar żewġ impenji qabel l-Euro 2020.

L-istess raġuni hi importanti għaċ-Ċeki li jiksbu t-tliet punti. It-tim immexxi minn Jaroslav Silhavy hu pjuttost inkonsistenti, bl-aħħar żewġ partiti ta’ ħbiberija huma xhieda. Wara telfa ta’ 4-0 kontra l-Italja, huma għelbu lill-Albanija 3-1.

L-iskwadra tar-Repubblika Ċeka żgur mhix bħal dik li tilfet il-finali kontra l-Ġermanja fl-edizzjoni tal-1996 jew li waslet sas-semifinali fl-2004. Madankollu żgur iqisu l-konfront tal-lum bħala l-aktar ċans li jiksbu l-punti u għalhekk mistennija jkunu offensivi.

Clarke jidher li hu prattikament deċiż fuq il-11-il plejer li se jibda bihom f’dik li tista’ tkun sistema tattika ta’ 3-5-2, speċjalment wara li sab kif jilgħab iż-żewġ xellugin Kieran Tierney u Andy Robertson. Għaċ-Ċeki, Patrik Schick mistenni jibda fl-attakk.

GRUPP D: Hampden Park: Skozja v Repubblika Ċeka 3.00pm