Lokali

Mara tweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku f’Tas-Sliema

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-8:30pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq it-Torri, Tas-Sliema.

Il-Pulizija marret minnufih fil-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li seħħet ħabta bejn vettura ta’ tip Volkswagen Bora, misjuqa minn Taljan ta’ 45 sena residenti l-Gżira, u vettura ta’ tip Toyota Avensis, misjuqa minn raġel ta’ 62 sena residenti Birkirkara. Fit-Toyota kien hemm ukoll mara ta’ 53 sena residenti Birkirkara, li sofriet xi ġrieħi.

Tim mediku ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard, hi ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.